“Proġetti bejn għadd ta’ gżejjer importanti biex Għawdex jikseb fondi mill-UE”

Huwa importanti li jiġu stabbiliti inizjattivi li jinvolvu għadd ta’ gżejjer minn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea (UE) biex Għawdex jikseb fondi mill-Unjoni, skont il-Membru Parlamentari Laburista Alfred Sant.

Fi stqarrija, Sant qal li spejga dan waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex. Il-membri tal-Kamra enfasizzaw il-ħtieġa ta’ ideat ġodda li jimbuttaw ‘il quddiem inizjattivi li jistgħu jiġġeneraw negozji ġodda fil-gżejjer żgħar fl-UE.

Sant qal li l-proċeduri tal-UE jiġu segwiti b’mod strett meta jkun hemm ideat ġodda ta’ investiment. Qal ukoll li l-biċċa l-kbira tal-proċeduri segwiti mill-Kummissjoni Ewropea mhumiex iddisinjati għal gżejjer żgħar bħal dawk ta’ Għawdex u ta’ Malta.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tkellmet ukoll dwar l-importanza li dejjem titjieb il-konnettività bejn il-gżejjer u l-kontinent Ewropew. Qalet ukoll li l-faċilitajiet tal-Gozo Channel għandhom jingħataw l-istess importanza bħal infrastruttura bażika permezz ta’ investiment ġdid.