“Proġetti ambjentali jistgħu jgħinu biex nagħmlu qabża ‘l quddiem” – Miriam Dalli

Il-Parlament Ewropew ivvota favur il-fond li għandu jiffinanzja proġetti li jagħmlu parti mill-pjan tal-Fond strateġiku għall-Investiment (EFSI).
Il-membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli ħadmet fuq il-kriterji ambjentali tal-fond, li l-proġetti magħżula għandhom jimxu magħhom.  
Ix-xogħol li sar minn Miriam Dalli f'isem il-kumitat tal-Ambjent wassal biex il-kriterji li fuqhom għandhom jiġu magħżula l-proġetti li jkunu ffinanzjati jinkludu inizjattivi favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet, proġetti li jinvestu f'enerġija rinovabbli, effiċjenza enerġetika, protezzjoni ambjentali u żvilupp sostenibbli kif ukoll innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa.
Miriam Dalli qalet li t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ġodda jridu jaslu għand iċ-ċittadini ta’ kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Sostniet li bħala rapporteur għall-kumitat tal-Ambjent tistenna li tara proġetti b’teknoloġija rinovabbli, b’enerġija nadifa, trasport elettriku u ekonomija ċirkolari b’mod partikolari f’dawk il-pajjiżi fejn dan it-tip ta’ investiment huwa nieqes.