Proġett ta’ żvilupp fuq medda art ħadra f’Ħaż-Żebbuġ

Google Maps

L-iżviluppatur Vincent Borg għan-nom tal-Grupp Tumas qed jipproponi li jiżviluppa medda art ħadra fil-qalba ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-proġett li jinsab fiż-żona ta’ Ħal Mula qed jipproponi li l-medda ta’ art kbira 4,750 metru kwadru tinbidel f’żona residenzjali ġdida.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ mistenni li jiddiskuti dan il-proġett b’urġenza fuq tal-ba tal-kandidat indipendenti Steve Zammit Lupi. Fuq Facebook, Zammit Lupi kiteb li li talab li l-Kunsill jitlaqqa’ b’mod urġenti minħabba li din hija l-unika art li fadal mhux żviluppata u minħabba li Ħal Mula huwa diġà mibni sew.

Iż-żona tinsab kantuniera bejn Triq Ħal Mula u Triq Michael Debono f’Ħaż-Żebbuġ.

Zammit Lupi qal li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ għandu joġġezzjona bis-saħħa għal din it-talba minħabba li din l-art hija l-unika art f’Ħaż-Żebbuġ li ġiet kommessa fil-Pjan Lokali tal-2006 bħala żona għal faċilitajiet komunitarji.

Fil-mozzjoni tiegħu, Zammit Lupi minbarra li ppropona li l-Kunsill joġġezzjona għall-proġett, issir talba biex l-art kommessa għal faċilitajiet komunitarji tiġi żviluppata f’taħlita ta’ swali u kmamar għal skopijiet edukattivi u soċjali, li jintużaw mill-għaqdiet lokali, il-Kunsill u r-residenti stess. Huwa qal li għanu wkoll jinħoloq pulmun aħdar fil-forma ta’ ġnien li huwa bżonjuż f’din iż-żona għall-familji li jgħixu fil-madwar.

Huwa qal li l-Kunsill Lokali huwa fid-dmir ukoll li jinforma lill-pubbliku biex jopponi din il-proposta fuq bażi individwali ukoll.