Proġett ta’ fabbrika jiġi abbandunat u l-kera ma titħallasx

L-Awditur Ġenerali nnota li l-Malta Industrial Parks naqsu milli jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ kera jiġu osservati meta proġett biex issir fabbrika farmaċewtika ġie abbandunat, bil-kumpanija kkonċernata tonqos milli tħallas il-kera għal 3 snin sħaħ.

Il-każ issemma fir-rapport annwali dwar il-kontijiet pubbliċi mingħand l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), u bħal ma hi l-prassi tal-uffiċċju, ma ngħatawx dettalji fuq l-identità tal-kumpanija apparti li din hi bbażata fl-Indja.

F’Jannar tal-2017, l-MIP – li biddlet isimha għal Indis Malta f’Novembru li għadda – ffirmat kuntratt mal-kumpanija biex tgħaddi medda ta’ art għal 65 sena, bil-kumpanija marbuta li tħallas kera annwali ta’ €57,085. Il-kumpanija kienet marbuta wkoll li tiżviluppa s-sit, u li tinvesti mill-anqas €2,205,000 biex tagħmel dan. Skont il-kuntratt, il-kumpanija kellha tgħaddi pjanijiet dettaljati dwar il-proġett fi żmien xahar, u wara tapplika għall-permessi neċessarji.

Però, ix-xogħol mistenni qatt ma sar għax il-proġett ġie abbandunat. L-NAO innutat ukoll li l-MIP ma pprovdiet l-ebda dokumentazzjoni biex tikkonferma li kienet qed taħdem biex tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt kienu qed jiġu mħarsa.

Għandha tagħti €156,984; mistennija tħallas €50,000

Il-kumpanija naqset milli tħallas il-kera mill-bidu tal-2018, u sal-aħħar ta’ Settembru kellha tagħti lill-MIP €156,984.

Rappreżentanti tal-kumpanija ġew Malta biex jikkanċellaw il-kuntratt, imma dan il-ftehim ma ġiex konkluż peress li l-MIP baqgħet tinsisti li titħallas din il-kera.

Però, żiedet l-NAO, il-kumpanija oġġezzjonat għax kienet indikat li ma baqgħetx interessata fil-proġett fis-sena 2018.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Awditur Ġenerali insista li l-MIP għandha tagħmel monitoraġġ aktar effettiv tal-kuntratti ta’ kera tagħha biex jiġu evitati problemi bħal dawn.

Fir-risposta tagħha, l-MIP żiedet li qed iżżomm kuntatt mal-kumpanija b’mod virtwali, u li n-negozjati qegħdin fi stat avvanzat. L-MIP issa qed tistaqsi għal €50,000 biex tagħlaq il-kwistjoni: għad jonqos konferma mid-diretturi tal-kumpanija.