Proġett pilota għal tnaqqis fil-kriminalità; ‘Ilna nipproponuha sena  u nofs’ – PN

Fil-Mellieħa l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-korp tal-Pulizija nedew il-proġett pilota ta’ community policing. Dan il-kunċett tal-community policing, il-pulizija flimkien mal-kunsill lokali, mar-residenti, man-negozji, m’għaqdiet volontarji u ma’ assoċċjazzjonijiet oħra fil-lokalità se jaħdmu id f’id biex il-lokalità tkun aktar sigura u jkun hemm prevenzjoni ta’ kriminalità. Waqt din it-tnedija, il-Ministru ffirma memorandum of understanding bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Dan il-proġett beda fil-15 ta’ Lulju u jagħmel parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tal-kriminalità.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru qal li mill-bidu tal-leġislatura tiegħu huwa ħejja programm ta’ inizjattivi u invesetiment fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Kompla li fl-2017 ir-rata tal-kriminalità naqset b’1%, fl-2018 ir-rata tal-kriminalità niżlet b’7% filwaqt li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena jidher li hemm tnaqqis ta’ bejn 4% u 5%. Farrugia qal li minkejja dan it-tnaqqis pożittiv, se jkun hemm diversi inizjattivi biex tkompli tissaħħaħ il-prevenzjoni fil-kriminalità. Il-Ministru spjega li wara sitt xhur ta’ dan il-proġett pilota mistennija ssir evalwazzjoni u wara jinfirex f’diversi bliet u rħula.

Il-Kummissarju spjega li biex ir-residenti jkunu jafu aktar lill-membri tat-team tal-community policing ġew stampati posters bir-ritratti tagħhom kif ukoll numru taċ-ċellolari u l-area fil-lokalità assenjata lilhom. Ġie wkoll stabbilit indirizz elettroniku speċifiku għal dan il-għan biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-pubbliku u l-membri tat-tim.

Il-Partit Nazzjonalsita qal li jilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett tal-community policing f’Malta. Il-PN żied li din il-proposta daħlet fis-seħħ wara li kien hemm proposti u insistenza għal dawn l-aħħar sena u nofs mill-Partit Nazzjonalista. Id-Deputati Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u Robert Cutajar qalu li f’Malta hawn komunitajiet sħaħ li jħossuhom mhedda u nsistew li l-Pulizija għandhom jipproteġu liċ-ċittadini u għalhekk għandu jkun hawn aktar pulizija fit-toroq. Żiedu jenfasizzaw li għandhom jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-Pulizija.