Proġett mina: “Irridu assigurazzjoni li l-investiment fih aktar vantaġġi”

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jinsisti li qabel tittieħed id-deċiżjoni finali dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, jiġu ppubblikati l-istudji kollha tekniċi, ambjentali, ġeoloġiċi u soċjali.  Saħaq li għandu jkun assigurat li b’dan l-investiment se jkun hemm iktar vantaġġi milli żvantaġġi.

AQRA: Il-Parlament japprova unanimament il-proġett tal-mina

Dr Delia qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni mill-Kamra tal-Periti fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.  Matul il-laqgħa, Delia saħaq li l-pajjiż għandu bżonn pjan fit-tul biex jegħleb l-isfidi kbar ta’ telf ta’ ħin fit-traffiku u żidiet qawwija fl-imwiet b’mard respiratorju marbut mat-tniġġis fl-arja.

Spjega li l-pjan fit-tul għandu jinkludi reviżjoni tar-regolamenti tal-bini biex jirriflettu s-sitwazzjoni tal-pajjiż illum, u li tingħata aktar importanza lis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Adrian Delia għamel referenza wkoll għall-bżonn ta’ taħriġ għall-professjonisti f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-aqwa prattiċi kif ukoll minn teknoloġiji ġodda.

Il-Kap Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliema għall-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Marthese Portelli, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Trasport u Infrastruttura Toni Bezzina, mill-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio u Michael Mercieca u mill-kandidata għall-elezzjoni lokali f’San Pawl il-Baħar Graziella Galea, mill-kandidat għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Julian Borg, il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Giorgio Schembri u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħad-Dingli David Vassallo.

Id-delegazzjoni tal-Kamra tal-Periti kienet immexxija mill-President Simone Vella Lenicker.

 AQRA: Filmat: Il-mina tista’ teqred l-industrija tal-lukandi f’Għawdex – Cacopardo