Proġett Marsalforn: “Mill-ġimgħa d-dieħla r-ristoranti jistgħu jiftħu”

Mill-ġimgħa d-dieħla, ir-ristoranti f’Marsalforn li uħud minnhom ilhom magħluqin minn Jannar minħabba proġett infrastrutturali, se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li mill-ġimgħa d-dieħla r-ristoranti fil-Menqa f’Marsalforn jistgħu jibdew joperaw bl-imwejjed fuq barra. Dan hekk kif il-Ministeru għal Għawdex ordna lill-kuntrattur biex sal-ġimgħa d-dieħla jlesti l-parti tar-ristoranti. Il-proġett huwa stmat li jiswa mat-€3 miljun.

Newsbook.com.mt rċieva għadd ta’ lmenti fosthom li l-aċċess għall-parti fejn jinsabu r-ristoranti kien limitat biss għall-kuritur dejjaq fuq il-banikina (fil-fimat tidher din il-parti). F’din il-parti, familji bi tfal żgħar u fil-push chairs u persuni fuq siġġu tar-roti ma jkunux jistgħu jgħaddu.

Mitlub jikkumenta dwar ilment li l-ħaddiema fuq il-post naqsu fl-aħħar ġranet, il-Ministru qal li mhux veru u stqarr li l-Ministeru talab lill-kuntrattur jibqa’ għaddej bix-xogħol is-Sibt u l-Ħadd.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett ilhom għaddejjin minn Novembru tas-sena li għaddiet meta s-sidien tar-ristoranti ntalbu jaqilgħu t-tined li kellhom biex jibda x-xogħol. Jidher li sa issa għad mhemmx data għat-tlestija tal-proġett iżda l-Ministru Camilleri qal ma’ Newsbook.com.mt li x-xogħlijiet fuq il-bqija tal-port ta’ Marsalforn se jkompli wara s-sajf. Huwa spjega wkoll li l-partijiet li fihom għad hemm ix-xogħol għaddej se jingħalqu sakemm jgħaddi s-sajf.

Fl-aħħar ħmistax, il-Ministru tella’ żewġ post fuq Facebook dwar dan il-proġett b’diversi ritratti tal-Menqa.

Inkomplu għaddejjin bix-xogħolijiet 🚧 fil-menqa:✔️ Għaddejna u lestejna 🔧 s-servizzi kollha;✔️ Lestejna l-bażi 🏗…

Posted by Clint Camilleri on Wednesday, May 13, 2020

Illum inżilt Marsalforn 🇲🇹 sabiex nirringrazzja lil ħaddiema li minkejja li 📆 l-Ħadd, bqajna għaddejjin 🚧 bix-xogħol. Il-Ħadd it-tajjeb ☀️ lil kulħadd!

Posted by Clint Camilleri on Sunday, May 17, 2020