Proġett ITS: Residenti u Kunsilli Lokali bl-għajta “Tidfnuniex ħajjin”

Għadd ta’ residenti, għaqdet mhux governattivi u l-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan u Pembroke talbu biex fi ftit kliem, “ma jindifnux ħajjin” mill-proġett propost mill-Grupp db flok il-bini tal-ITS f’Pembroke.
Sostnew li dan il-proġett se jkollu effetti tal-biża’ fuq ir-residenti u l-ambjent li jgħixu fih.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem is-sit propost tal-ITS, il-Moviment Graffiti laqqa’ lil dawn l-entitajiet imsemmija, fosthom l-NGOs Flimkien għal Ambjent Aħjar, Nature Trust, Friends of the Earth, Din l-Art Ħelwa, Żminijietna u attivist minn Kamp Emerġenza Ambjent.
“Dan il-bini se jidfinna ħajjin taħt id-dellijiet twal u wesgħin li se jitfgħu it-torri ġgantesk u l-lukanda maġenbu. Se jidfinna taħt il-kummerċjalizzazzjoni bla rażan, it-traffiku bla waqfien, u t-trab perikoluż li se jiġġenera”, qal Adrian Grima, wieħed mirr-residenti ta' Pembroke.
Dawn huma wħud mill-affarijiet li qed ibeżżgħu lir-residenti u jħssbu lill-NGOs dwar dal-proġett:

  • il-kobor eżaġerat tal-bini, it-torri residenzjali ta’ 37 sular u r-resort hotel ta’ 19-il sular
  • il-vjaġġi bil-karozzi li l-proġett se jiġġenera u t-traffiku li se joħloq
  • madwar 3 snin sakemm isir il-proġett, liema 3 snin ir-residenti jridu jaffaċċjaw it-trakkijiet u t-trabijiet kollha. F'dawn it-tliet snin huwa stmat li se jiġu ġġenerati 336,085 tunnellata ta' skart, li jfisser 22% tal-iskart kollu tal-kostruzzjoni ġġenerat f'Malta fl-2015
  • il-ħsara li se ssir lill-ambent minħabba l-pjan li għandu l-kuntrattur li jqiegħed impjant li jagħmel il-konkos fuq il-post
  • id-dell enormi li se jitfa’ dal-proġett fuq l-inħawi
  • l-effett egattiv li se jħalli fuq Għar Ħarq Ħamiem
  • impatt negattiv fuq fuq iż-żona fil-baħar tal-Grigal ta’ Malta
  • il-proġett se jbiddel għalkollox il-karattru ta’ Pembroke u Paceville, b’katina ta’ effetti negattivi u jkabbar l-għatx tal-iżviluppatur

Huma u jagħtu dawn iċ-ċifri, il-Grafftiti kienu qed jikkwotaw minn studju dwar l-impatt ambjentali kkummissjonat mill-Grupp db stess, Proposed Coty Centre Multi-use Development – San Ġiljan and Pembroke.
db Group ħa l-art tal-ITS b’konċessjoni ta' 99 sena għal €60 miljun mingħand il-Gvern.
“Dak li kien tal-poplu ma jistax jintuża biex jidfen lill-poplu ħaj”
 Andrè Callus mill-Moviment Graffitti sostna li l-art pubblika li llum hemm fuqha l-ITS ma jistax isir żvilupp fuqha li jidfen ħajjin lin-nies li l-art hi finalment tagħhom.
Staqsa min se jibbenefika minn dal-proġett, u għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wieġeb li l-pass li jmiss f’dal-proġett “Tidfnuniex ħajjin” huwa li issa jintbagħtu l-oġġezzjonijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar.
“Dal-proġett hu l-bidu tal-qerda ta’ Pembroke, bħalma ġara b’San Ġiljan”
Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli, anki f’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt qal li jekk dal-proġett isir, ikun ifisser il-qerda tar-raħal ta’ Pembroke, bħalma ġralha l-lokalità li jmexxi hu.
Tkellem dwar kif il-proġett se jeqred il-gost li ġġorr magħha l-Bajja ta’ San Ġorġ, filwaqt li enfasizza li fil-verità ħadd ma jridu dal-proġett, “Inutli nsebbħu l-bajja bir-ramel artifiċjali, jekk in-nies se jibdew jiġu biex jaraw dal-mostru faċċata tagħhom”, qal Dalli.
“Il-proġett m’għandux isir jekk…”
Is-Sindku ta’ Pembroke, Dean Hili, tkellem ukoll, u qal li dal-proġett m’għandux isir jekk ma jiġux indirizzati kwistjonijiet ewlenin.
Semma t-traffiku, it-tħaddir tal-inħawi u parkeġġ adegwat għar-residenti.
Finalment Hili qal li jaħseb li dal-proġett se jieħu aktar lill-poplu milli se jagħtih fil-verità.

"L-Awtorita tal-Ippjanar mhux qed tħares l-interess pubbliku, għax maħkuma minn direzzjoni politika" – Partit Demokratiku
Fi stqarrija separata, il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-Awtorità tal-Ippjanar qed turi li mhix tħares l-interess tal-pubbliku.
Il-PD rrimarka li applikazzjonijiet simili f'dawn l-inħawi qed isiru mingħajr m'għadu hemm masterplan, u għalhekk kull żvilupp qed ikun b'mod frammentat u bla linji gwida.

"Il-PD jinnota li dan il-proġett massiċċ hu wieħed li qed isir mingħajr Development Brief u għalhekk il-pubbliku qed jiġi mċaħħad minn opportunità oħra ta’ konsultazzjoni".
Fakkar li hemm investigazzjoni għaddejja mill-Uffiċċju tal-Awditur dwar il-mod kif din l-art ingħatat lill-Grupp db, u għal daqstant l-Awtorità tal-Ippjanar jidher li mhix qed tirrikonoxxi dan il-fatt.
F'isem il-PD waqt il-konferenza kien hemm il-Kap, Anthony Buttigieg, u Lee Bartolo.
Ritratt u filmati: Leon Xuereb u Matthew Borg