​Proġett ITS: Il-bini se jaqta’ l-aċċess għad-dawl u arja għal-lokalità – FAA

construction site

L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li l-proġett massiċċ propost fuq is-sit tal-ITS se jkun qed jaqta’ l-aċċess għad-dawl u l-arja għal-lokalità.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li l-proġett se joħloq dell permamenti għar-residenti.
Il-proġett jinkludi torri residenzjali ta’ 37 sular, lukanda ta’ 5 stilel, stabbilment kummerċjali, uffiċini, ristoranti u spazji għall-parkeġġ.
Skont l-FAA, il-proġett imur kontra l-liġijiet ta’ Malta. Qalet ukoll li l-iżviluppatur qed jibbaża’ l-aċċettabilità tal-proġett fuq mina fantażma li ma kinitx meqjusa fl-applikazzjoni. Qalet li tispera li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) mhux qed tikkonsidra l-proposta ta’ triq virtwali. Żiedet tgħid li jekk ikun il-każ, il-PA għandha toħroġ permess virtwali u mhux wieħed reali.
Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni, l-iżviluppaturi tal-proġett fuq is-sit tal-ITS ma kienux wieġbu għad-domanda li saritilhom jekk iridux proġett bħal dak sitt metri ‘l bogħod mid-dar tagħhom.
Numru rekord ta’ oġġezzjonijiet – Moviment Graffitti          
Il-Moviment Graffitti qal li nġabar rekord ta’ aktar minn 4,000 oġġezzjoni għall-proġett propost. Il-perjodu għall-oġġezzjonijiet jagħlaq illum.
Skont l-għaqda, eluf ta’ oġġezzjonijiet saru b’mod elettroniku u li nġabru wkoll mijiet oħra stampati mir-residenti ta’ Pembroke.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li “n-nies qed joġġezzjonaw għal dan il-proġett għaliex dan se jidfen lin-nies ħajjin taħt struttura enormi li fiha torri ta’ 37 sular u lukanda ta 19-il sular, li se jinbena ftit metri ‘l bogħod mir-residenti”.
Oġġezzjoni formali tal-PD
Il-Partit Demokratiku llum ħabbar li oġġezzjona formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) dwar dan il-proġett.
Fi stqarrija, il-PD qal li l-applikazzjoni qed issir mingħajr Pjan Nazzjonali jew Lokali. Qalet li Pembroke huwa post residenzjali li fih qed isir dan l-iżvilupp mingħajr Development Brief.
Il-partit fakkar ukoll li qed issir investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Awditur dwar il-mod kif din l-art ingħatat lid-db Group.