Filmat: Favur u kontra l-proġett tal-Grupp db

Read in English.

Arthur Gauci, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db u Dr John Ebejer, lecturer fl-Università li huwa espert fl-ippjanar urban iddiskutew il-proġett tal-Grupp db waqt il-programm Newsbook Hour is-Sibt filgħodu fuq 103 Malta’s Heart u Newsbook.com.mt. Il-programm tmexxa minn Fr Joe Borg.

Dr Ebejer iddikjara li huwa mhux parti minn xi Kunsill Lokali jew membru ta’ NGO. Beda biss jagħti pariri l-aktar lill-Moviment Graffiti għax emmen li l-proġett kien kontra l-policies.

X’kienu l-punti ewlenin tad-diskussjoni?

Il-Grupp db qed jgħid li għamel tibdil għax sema’ lin-nies. Dan slogan jużawh il-politiċi u n-nies huma xettiċi dwar il-politiċi u big business. X’inhi r-raġuni vera għalfejn qed jiġi propost it-tibdil? – Fr Joe Borg

L-Awtorita tal-Ippjanar kienet fetħet tapit aħmar għall-Grupp db. Issa kellhom jagħmlu tibdil fil-proġett għax  jista’ jkun li inbidlu l-affarijiet u mhux għax semgħu min-nies – Dr Ebejer

Aħna biddilna għax tkellimna mal-Kunsilli u smajna lin-nies. Bdilna aktar milli konna nkunu obbligati nibdlu mir-regolamenti. Bdilna aktar milli kien indikat mill-perspettiva ta’ negozju. – CEO Grupp db

Il-Kunsilli Lokali u 10 NGOs qed jiddeskrivu l-proġett bħala mostruż u ta’ ħsara. Sar tibdil biżżejjed jew le? – Fr Joe Borg

Aħna naqqasna l-għoli tat-torri b’seba’ sulari meta ma konniex obbligati nagħmlu hekk. Naqqasna d-daqs tal-iżvilupp u żidna l-partijiet miftuħa għan-nies. It-tibdil li għamilna kien wieħed sostanzjali.” – CEO Grupp db

Veru li sar tibdil; u t-tnaqqsis ta’ seba’ sulari ma ngħidlux tnaqqis żgħir. Iżda ma sarx biżżejjed. Il-proġett għadu massiċċ. Kbir wisq għall-inħawi. U għad hemm affarijiet kontra l-policies. Mhux aċċettabbli anke kif inhu mibdul. – Dr Ebejer

Iżda l-policies huma rispettati jew le? – Fr Joe Borg

Iva kollox skont il-policies – CEO Grupp db

Le mhux skont il-policies. Żgur li mhux skont il-policy tar-ratio bejn daqs ta’ art u għoli. – Dr Ebejer

L-NAO qal li ħallastu prezz ġust, iżda l-NAO qalet ukoll li kien hemm nuqqasijiet serji ħafna fil-proċess u li eks-Ministru Mizzi (li għamel ħafna deals suspettużi) ma iltaqax magħhom. Il-PA ġabet persuna b’jet privat biex tivvota u membru li ivvota favur kellu kunflitt ta’ interss. Tagħtihom tort lin-nies li jissusspettaw li mhux kollox kien sew? – Fr Joe Borg

Aħna dejjem imxejna sew. Kienu qalu li l-prezz kien baxx. L-NAO qalet li kien prezz ġust. Jien ma nitkellimx għall-Gvern iżda nitkellem għalina. Dejjem imxejna sew. Il-mistoqsijiet tiegħek għamilhom lill-Gvern mhux lilna.” – CEO Grupp db