Aġġornata: Proġett Grupp db: Rekord ta’ oġġezzjonijiet – Kunsilli Lokali u NGOs; figuri normali – db

Read in English.

Moviment Graffitti, fi stqarrija ffirmata minn għaxar għaqdiet mhux governattivi u l-kunsilli lokali tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, stqarret li hemm numru rekord ta’ oġġezzjonijiet għall-iskavar mill-Grupp db tas-sit fejn qabel kien hemm l-ITS. F’reazzjoni, il-Grupp db qal li n-numru ta’ oġġezzjonijiet kien kumparabbli ma’ proġetti oħra simili.

Il-Moviment Graffitti spjega li hemm aktar minn 6,000 oġġezzjoni li ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjannar (PA) dwar il-permess tal-iskavar. Spjegat li dan ikompli jżid ma’ ‘l fuq minn 4,500 oġġezzjoni li kienu diġà saru kontra l-Grupp db fir-rigward tas-City Centre Project fuq l-istess sit.

X’inhu l-proġett, u x’ġara s’issa? 

Il-proġett li se jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS kien se jkun jinkludi fih torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular. Hu kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru li għadda minkejja l-eluf ta’ oġġezzjonijiet li kienu daħlu dwar dan il-proġett.

Aqra: Aġġornata: Approvat mill-ġdid il-proġett tal-Grupp db

Fi Frar, it-Tribunal qal lill-iżviluppaturi li minkejja li l-proġett tagħhom ġie approvat, hemm bżonn li l-iżviluppaturi jissottomettu pjanti ġodda. Dawn għandhom jinkludu żieda fiż-żoni ta’ spazju miftuħ filwaqt li talbu għal tnaqqis fl-għoli tat-torri u l-lukanda.

Aqra: Attivisti u residenti jiftħu kawżi l-Qorti dwar il-proġett tad-db Group

F’Marzu, il-Grupp db issottometta pjanti ġodda wara li ħareġ bi proposta ġdida ta’ żvilupp għas-sit ta’ fejn kien hemm l-ITS f’Pembroke. Fosthom ġiet proposta lukanda ta’ 5 stilel ta’ Klassi 3B, b’438 kamra. Kien ġie propost ukoll li se joħorġu 162 residenza, flimkien ma’ spazju għall-uffiċju kummerċjali ta’ Klassi 4A, ċentru tax-xiri ta’ klassi 4B, ristoranti ta’ klassijiet 4C u 4D, u kif ukoll parkeġġ taħt l-art.

Aqra: Il-Grupp db jissottometti pjanti ġodda għall-eks sit tal-ITS

Il-proġett li kien approvat kien reġa ġie revokat mill-Imħallef Mark Chetcuti fl-istadju tal-Appell. L-appell kien sar mill-Moviment Graffitti, li sar minħabba kunflitt ta’ interess ta’ wieħed mill-membri tal-Bord, Matthew Pace.

Aqra: Kunflitt ta’ interess iwassal biex il-pjan tad-db f’Pembroke jkun revokat mill-Qorti

Però, il-Grupp db kien iddikjara li se jerġa’ jirriattiva l-applikazzjoni għall-permess għall-proġett fuq l-eks sit tal-ITS. Diversi għaqdiet, Kunsilli Lokali u residenti kienu kkundannaw din l-applikazzjoni ġdida għal skavar waħdu bħala attentat ċar ta’ kif wieħed jipprova jevadi valutazzjoni sħiħa tal-impatt li se jġib miegħu dan l-iżvilupp. Dan għaliex sostnew li l-applikazzjoni hija separata minn dik li ġiet sottomessa mill-kumpanija sentejn ilu.

Aqra: Proġett db: Jirriattivaw applikazzjoni għall-permess għall-eks sit tal-ITS

“Se nibqgħu nippruvaw inwaqqfu dan il-proġett”

Fl-istqarrija, Moviment Graffitti f’isem l-għaqdiet u kunsilli l-oħra, sostniet li residenti, Kunsilli Lokali u għaqdiet se jibqgħu għaddejjin bl-isforz tagħhom biex iwaqqfu dan il-proġett “li juri diżrispett totali lejn ir-residenti u l-ambjent”. 

Hi spjegat li din l-applikazzjoni ta’ skavar fuq skala kbira ġiet ipproċessata f’ġimgħa biss, u li ma tagħti l-ebda indikazzjoni ta’ x’se jiġri mill-iskart tal-iskavar.

Aqra: Żvilupp db: “Possibbli li d-deċiżjoni lesta” – NGOs, kunsilli, residenti

Sostniet li l-istess skavar se jkun qiegħed ukoll jestendi ruħu taħt bunker tal-Gwerra Bierda u binja li hija skedata bħala grad 2. Żiedet tgħid li dan filwaqt li qed jiġi sostnut li dawn il-binijiet se jibqgħu jżommu l-istruttura tagħhom. Skontha, l-iskavar se jkun qiegħed jipperikola bil-kbir l-għar u l-madwar ta’ Ħarq Ħammiem, sit ta’ importanza naturali, ġeoloġika u xjentifika.

Aqra: Gidba li jekk tiskava taħt bini tipperikolah – Grupp db

L-istqarrija ġiet iffirmata mill-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u tas-Swieqi. Ġiet iffirmata wkoll minn Archaeological Society of Malta, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Ramblers Association.

Mhux veru li kien hemm 10,500 oġġezzjonijiet – db

Il-Grupp db qal li mhux veru li kien hemm 10,500 oġġezzjonijiet. Qal li n-numru l-veru aktar joqrob lejn terz tal-figura li semmew l-attivisti.

Skont id-db, hemm oġġezzjonijiet saru mill-istess nies b’email differenti. Il-Grupp qal li hemm kampanja kontra l-proġett ta’ €300 miljun tiegħu. Qal ukoll li dejjem segwa l-liġijiet u l-proċeduri involuti.

Skont is-sit tal-PA, dwar l-applikazzjoni PA/05533/19 hemm madwar 3,600 rappreżentazzjoni.