Proġett Ġiżwita biex jgħin lill-Venezuelani li jkunu se jitilqu mill-pajjiż

Venezuelani jfittxu li jaħarbu mill-kriżi li ħakmet lil pajjiżhom

Il-komunità tal-patrijiet Ġiżwiti fl-Amerika Latina u l-Karibew, bl-għajnuna ta’ sħabhom fl-Istati Uniti u l-Ewropa, niedew proġett biex joffru għajnuna materjali fil-battalja kulturali kontra x-xenofobija, lill-Venezuelani li qed jħarbu minn pajjiżhom.

Il-Venezuela qed tiffaċċja kriżi kbira. Wara snin ta’ tmexxija b’politika żbaljata, l-operaturi kummerċjali u l-imprendituri qed jitilfu d-dinamiżmu tagħhom. Il-waqa’ fil-prezz taż-żejt – li hu l-aqwa riżorsa li għandu l-pajjiż – kissret s-sistema finanzjarja u l-kriżi kompliet tikber.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet kattolika FIDES, f’dawn l-aħħar snin madwar 15,000 kumpannija kummerċjali, għalqu. L-inflazzjoni telgħet għal 1,200 fil-mija.  Fil-pajjiż hemm nuqqasijiet kbar fosthom ta’ ilma għax-xorb, elettriku, ħtiġijiet bażiċi, mediċini u anke petrol.  In-nies ikollhom joqgħodu fi kju ma jispiċċa qatt biex jixtru ikel bi prezzijiet raġjonevoli, bħalma huma l-ħalib, ross, ħobż, għaġin u butir.

Quddiem din it-traġedja umana ħafna qed jaħarbu mill-pajjiż. Hu stmat li bejn l-2015 u l-2017 aktar minn miljun persuna fittxew kenn fil-Brażil, il-Colombia, l-Ecuador jew il-Guyana. Fl-aħħar ħames snin wieħed minn kull għoxrin ċittadin telaq minn pajjiżu u issa qed jgħix f’ċirkostanzi diffiċli u ma għandhom ikel biex jgħixu.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-patrijiet Ġiżwiti niedew dan il-proġett ta’ għajnuna umanitarja fuq il-fruntieri tal-Venezuela mal-Colombia u l-Brażil fejn mhux biss joffru ħtiġijiet bażiċi bħalma huma ikel u trasport imma anke għajnuna legali biex ikun regolat l-istatus ta’ emigrant u għajnuna psikoloġika għall-persuni vulnerabbli fosthom nisa tqal, persuni b’mard kroniku u tfal li ma ngħatawx tilqim kontra l-mard.

Dan il-proġett imur ‘l hinn minn sempliċi għajnuna umanitarja għax il-wasla kontinwa ta’ refuġjati qed toħloq sfiduċja fihom mir-residenti tal-pajjiżi li qed imorru fihom. Dan qed iwassal għal reazjonijiet xenofobiċi li jwasslu għal abbużi.  Għalhekk il-Ġiċwiti qed jorganizzaw ukoll attivitajiet kulturali maħsuba biex l-imigranti jingħataw laqgħa xierqa.

Il-Ġiżwiti qalu lill-Aġenzija FIDES li “L-iskop tagħna hu li ntaffu l-impatt ta’ din il-kriżi fuq in-nies. Aħna mhux biss qed noffru lir-refuġjati għajnuna u assistenza imma nixtiequ nwaqqfu l-mewġa xenofobika li qed tikber fil-pajjiżi li qed jirċievuhom billi nippromwovu kultura ta’ ospitalità. Aħna nemmnu fid-drittijiet tal-emigranti u se norganizzaw kampanji biex noħolqu klima ta’ akkoljenza”.