Awdjo: Proġett f’Ħondoq jista’ jwassal biex il-bajja ma titgawdiex

Huma ħafna dawk li fil-jiem tas-sajf iżuru xi waħda mill-bajjiet f'Għawdex, bil-Moviment Ħarsien Ħondoq jinsab ikkonċernat bi proġett li jista' joħnoq is-sbuħija u t-tgawdija ta' Ħondoq ir-Rummien.
85% tal-poplu tal-Qala hu kontra li l-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien tispiċċa darba għal dejjem u għalhekk il-poplu tal-Qala hu kontra l-proġett tal-lukanda u jott marina li kien sottomett lill-MEPA, filwaqt li jrid li dan l-ispazju jkun palk nazzjonali li jitgawda minn kulħadd.
Is-Segretarju tal-Moviment Ħarsien Ħondoq Paul Buttigieg qal ma' Newsbook.com.mt li minn informazzjoni li għandu, il-proġett pjanat se jitressaq quddiem l-awtoritajiet lejn l-aħħar tas-sajf iżda se jiġi irrifjutat.
Paul Buttigieg kompla jgħid ma' Newsbook.com.mt li wara li l-proġett se jiġi rrifjutat, il-pjanti se jinbidlu f'bini ta' vilel u bungalows li iżda fil-futur jistgħu iwasslu għall-bini ta' diversi sulari oħra b'numru kbir ta' appartamenti.
Il-Moviment Ħarsien Ħondoq qed ikompli jqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li din il-bajja titħalla titgawda mingħajr ostakli u mingħajr ma jiġi pperikolat l-ambjent Malti u Għawdxi.