Proġett Ewropew mistenni jagħti “ġwienaħ” lin-nisa immigranti

Read in English.

L-intrapriża soċjali Olandiża, Netwerkpro, ħabbret li se tkun qiegħda tingħaqad ma’ diversi organizzazzjonijiet Ewropej sabiex toħloq programm edukattiv li huwa innovattiv u interattiv, sabiex tgħin immigranti nisa fl-Ewropa. Dawn l-organizzazzjonijiet huma SYNTHESIS minn Ċipru, Glocal Factory mill-Italja, HIGGS mill-Greċja, GEI minn Spanja u Skills Zone minn Malta.

Il-proġett se jkun qiegħed jgħin lill-immigranti nisa biex ikollhom iżjed setgħa soċjali u ekonomika (WINGS), hekk kif dan il-grupp soċjali huwa wieħed mill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tal-lum.

Il-programm ta’ azzjoni lokali ta’ WINGS se jkun jikkonsisti f’50 siegħa ta’ tagħlim onlajn kif ukoll wiċċ imb wiċċ. L-għan huwa li titjieb ir-riżorsa ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja u li jkun hemm programmi għall-bżonnijiet ta’ dawn l-immigranti nisa.

Mistenni li jiġu mgħallma suġġetti essenzjali li jgħinu biex issir familjarizzazzjoni mal-aspett kulturali fil-ħajja ta’ kuljum. Fost dawn is-suġġetti hemm:

  • Ir-responsabbilità fiskali u l-ippjanar finanzjarju
  • L-introduzzjoni għall-proċessi amministrattivi bażiċi bħas-sistema tas-saħħa, is-sigurtà soċjali u l-kontribuzzjonijiet
  • Il-qafas legali
  • Ir-reġistrazzjoni tat-tfal fl-iskejjel
  • It-tagħrif dwar id-dinja tax-xogħol fosthom kif tinkiteb CV u l-imġiba waqt intervista għal xogħol

Il-Maniġer tal-Proġett, Hester Wolrich, qalet li l-imsieħba kollha ta’ dan il-proġett jemmnu li programmi bħal dawn se jgħinu lil dawk il-membri vulnerabbli kollha fil-komunitajiet tagħhom. Tgħid kif l-integrazzjoni soċjali u ekonomika hija essenzjali sabiex tingħata iżjed setgħa lill-immigranti nisa. Huma jemmnu li permezz ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim minn edukaturi ta’ kwalità permezz ta’ għodod innovattivi, il-kapaċitajiet soċjo-edukattivi u personali ta’ dawn in-nisa mhux biss se jitjiebu u jiżdiedu iżda se jgħinu sabiex isiru soluzzjonijiet politiċi li huma ċċentrati madwar l-immigranti.

Dan il-proġett mistenni jdum sentejn u se jkun qed jolqot 1,300 persuna madwar l-Ewropa fosthom immigranti nisa, edukaturi adulti kif ukoll organizzazzjonijiet. L-Unjoni Ewropea tonfoq madwar €100 għal kull ċittadin kull sena fuq fondi reġjonali, impjiegi, taħriġ u titjib ta’ infrastruttura.