Proġett db: “Raw kbir, assurditajiet enormi; ma jixraqx il-post”

Read in English.

Kelliem għal Kummissjoni Ambjent tal-Knisja, is-Sindki ta’ San Ġiljan u ta’ Pembroke kellhom kliem iebes dwar il-bini ta’ lukanda ta’ 20 sular u torri ta’ 37 sular mill-kumpanija dB f’San Ġiljan. Qalu li l-iżviluppaturi raw kbir, il-proġett fih assurditajiet enormi u ma jixraq xejn lill-post fejn se jsir.

Waqt il-programm Newsline immexxi minn Fr Joe Borg u Manwel Delia, Ronald Camilleri mill-Kummissjoni Ambjent qal li l-proġett jagħmel għajb għas-sistema tal-ippjanar, mhuwiex għall-ġid komuni u jaqdi lill-ispekulaturi.

“L-ippjanar tal-pajjiż suppost isir għall-komunitajiet; mhux jitħallew għall-aħħar”

Ronald Camilleri sejjaħ il-proġett “esaġerat”. Spjega kif l-ippjanar tal-pajjiż suppost isir biex iħares l-interessi tal-komunitajiet u mhux għall-iżviluppatur. Qal li ma tagħmilx sens li r-residenti jiġu mħeġġa joħorġu jipprotestaw meta suppost l-ippjanar iħares l-interessi tagħhom biex ma jbatux il-konsegwenzi ‘l quddiem.

Semma kif l-ippjanar qed isir għall-iżviluppatur u l-interess tal-komunità qed jitħalla għall-aħħar. Qal li għaddej proċess mgħaġġel biex jinbena dan il-proġett – l-ewwel sar ftehim bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u l-iżviluppatur u issa s-sistema tal-ippjanar qisha se taġevola dan il-ftehim.

Qal li l-proġett tad-dB se jaffettwa ħafna lill-komunità ta’ Pembroke, fost l-oħrajn b’żieda qawwija fit-traffiku.

Staqsa kif il-kumpanija Hard Rock, responsabbli mil-lukanda l-ġdida, se timxi skont il-missjoni tagħha li sservi l-komunità u tħares l-ambjent, meta qed tinjora r-residenti ta’ Pembroke. Il-Kummissjoni Ambjent kitbet direttament lil Hard Rock u qed tistenna risposta.

“Il-proġett għandu jitnaqqas bin-nofs; il-post ma jiflaħx”

Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili qal li l-proġett tad-dB f’San Ġiljan se jkun l-ikbar struttura fil-pajjiż u s-sit ma jiflaħx għalih. Spjega li biex jagħmel sens għandu jitnaqqas bin-nofs. Semma “l-assurditajiet enormi” tal-proġett, fosthom li triq tas-servizz se tgħaddi min-nofs żona residenzjali.

Semma kif diġà hemm problema tat-traffiku u biex jitlesta l-proġett se jgħaddu mat-3,500 vettura kuljum miż-żona. Staqsa minn fejn se tibda u fejn se tispiċċa l-mina li qed tiġi proposta. Qal li ż-żona residenzjali se tinbidel b’numru ta’ toroq fuq livelli differenti.

“Xi ħadd irid iżomm il-brejkijiet u jisfida dak li qed jiġri u jara fejn sejrin,” kompla s-Sindku.

“San Ġiljan kissirnieh, ejja nieħdu ħsieb Pembroke”

Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli qal li San Ġiljan kien post kwiet bħal Pembroke u issa nqered. Ħeġġeġ lir-residenti ta’ Pembroke biex iwarrbu l-partiti politiċi, u joħorġu jipprotestaw biex ma jħallux li l-lokalità tagħhom tinqered.

Spjega li r-residenti ma huma se jgawdu xejn mill-proġett. Qal li l-Bajja ta’ San Ġorġ kif inhi se tispiċċa għal kollox u l-proġett se jwassal għal influss ta’ nies u iktar tniġġiż ta’ storbju u ħmieġ. Qal li l-proġett mhux se jitlesta f’sentejn kif qed jgħid l-izviluppatur u jrid mas-sitt snin ta’ inkonvenjent kbir.

Esprima t-tħassib li meta jsir is-smigħ dwar l-iżvilupp, “mill-ewwel tkun taf kif se toħroġ il-votazzjoni u dawn l-affarijiet ikunu diġà deċiżi.”

Il-kumpanija dB ma bagħtitx rappreżentant tal-kumpanija għad-diskussjoni fil-programm Newsline fuq RTK.