Proġett db: ‘Matthew Pace għandu jirreżenja mill-PA’ – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li jaqbel li l-membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar Matthew Pace għandu jirreżenja mill-irwol tiegħu.

Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Hu kien dak li nnomina lill-istess Pace għall-kariga tiegħu fuq il-bord. Hu sostna li jrid jirrispetta l-istrutturi eżistenti u li ma jistax jgħid x’għandha tagħmel awtorità partikolari, jista’ biss jagħti l-opinjoni tiegħu dwar x’jaħseb li għandu jsir.

Aqra: Kunflitt ta’ interess iwassal biex il-pjan tad-db f’Pembroke jkun revokat mill-Qorti

Pace instab li kellu kunflitt ta’ interess fil-proġett tal-Grupp db f’Pembroke, li hu stess kien ivvota favurih. Skont il-każ li nstema’ fil-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, Pace kellu jastjeni milli jipparteċipa fil-vot hekk kif kellu minn xiex jigwadanja jekk il-proġett jiġi approvat. Dan hekk kif hu sid ta’ kumpanija li kienet qed tbigħ l-appartamenti tal-proġett inniffsu.

Pace kien qal li ma kellu l-ebda intenzjoni li jirreżenja mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għax sostna li d-deċiżjoni tal-Qorti ma kinitx fattwali.

Kif żvolġa l-każ?

Aktar kmieni din is-sena, grupp ta’ NGOs immexxija mill-Moviment Graffitti ssottomettew protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità tal-Artijiet għax sostnew li l-Grupp db kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt hekk kif allegatament se jwaqqa’ xelter ta’ żmien il-Gwerra l-Bierda u jħalli biss ħajt u emblema minnu.

Aqra: “Se jħallu biss ħajt u emblema; kisru l-kundizzjonijiet” – NGOs dwar il-Grupp db

Il-Grupp kien diġà ssottometta pjanti ġodda wara li ħareġ bi proposta ġdida ta’ żvilupp għas-sit ta’ fejn kien hemm l-ITS f’Pembroke. Fosthom kienet qed tiġi proposta lukanda ta’ 5 stilel ta’ Klassi 3B, b’438 kamra.

Aqra: Il-Grupp db jissottometti pjanti ġodda għall-eks sit tal-ITS

Ix-xogħol tal-Grupp db kien diġà ġie sospiż din id-darba mit-Tribunal tal-Appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar. Kien ordna li jiġi sospiż ix-xogħol fuq il-proġett tat-torri u l-lukanda f’Pembroke tal-Grupp db sakemm jiġi konkluż l-appell pendenti kontra dan l-iżvilupp.

Aqra: Sospiż ix-xogħol tal-Grupp db fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke

B’konnessjoni max-xogħol li kien qed isir fuq l-eks sit tal-ITS, ġew irrappurtati diversi drabi li qed ikun hemm tniġġis fil-bajja ta’ San Ġorġ li tiġi eżatt taħt is-sit tal-kostruzzjoni. F’Novembru tas-sena l-oħra, fuq il-mezzi soċjali, Prof. Arnold Cassola qal li x-xogħlijiet għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Stqarr li fis-6.30am bdew ix-xogħlijiet u sa erba’ sigħat wara kien hemm diversi trakkijiet bit-terrapien u materjal ieħor.

Aqra: “Tniġġis fil-Bajja ta’ San Ġorġ: Xogħlijiet mill-Grupp db?” – Cassola