Proġett db: Il-Kunsill ta’ Pembroke jinsisti dwar l-iskumdità

"Ma nistgħux nifhmu kif il-Kunsill ta' Pembroke se jivvota kontra" - Grupp db

Read in English.

Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke insista li l-iżvilupp tal-Grupp db fil-lokalità se jkun ta’ skumdità għall-komunità minħabba s-snin ta’ kostruzzjoni għal żvilupp sproporzjonat u li ma jixraqx liż-żona residenzjali li jinsab fiha.

Il-Ħamis li għadda il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke ddiskuta l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-proġett tal-Grupp db bl-isem City Center. Il-Grupp db issottometta pjanti ġodda għall-iżvilupp li mistenni jagħmel fuq l-eks sit tal-ITS f’Pembroke.

Fi stqarrija f’isem il-Kunsill kollu, is-Sindku Dean Hili qal li n-negozjati mal-iżviluppatur tul is-snin wasslu għal bidliet pożittivi biex il-proġett se jkun ta’ piż inqas għar-residenti. Jisħaq ukoll li minkejja dawn il-bidliet, ir-residenti għadhom tal-fehma li jopponu dan il-proġett u għaldaqstant is-Sindku jgħid li l-vot tal-Kunsill fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar se jservi ta’ “eku tas-sentiment tar-residenti”.

Fost il-miżuri pożittivi li jissemmi l-Kunsill dwar it-tibdli li sar fl-iżvilupp hemm iż-żieda ta’ 40% fl-ispazji pubbliċi, il-protezzjoni ta’ Għar Ħarq Ħamiem li fuqu mhu se jsir l-ebda żvilupp jew skavar u tibdil fl-immaniġjar tat-traffiku biex inaqqas fl-influss ta’ karozzi fiż-żona.

Newsbook Hour dwar il-proġett tal-Grupp db
Filmat: Favur u kontra l-proġett tal-Grupp db

“Ma nistgħux nifhmu kif il-Kunsill ta’ Pembroke se jivvota kontra” – Grupp db

B’reazzjoni għal din l-istqarrija, il-Grupp db qal li ma jistax jifhem kif il-Kunsill ta’ Pembroke xorta se jivvota kontra minkejja li fil-Memorandum of Understanding li ffirmaw bejniethom, il-Kunsill jikkommetti ruħu li jivvota favur il-proġett jekk il-proposti tiegħu jkunu inkorporati.

Tul is-snin il-Grupp qal li laqa’ l-proposti kollha tal-Kunsill u għaldaqstant kellu kliem ta’ apprezzament għall-fatt li dawn issemmgħu fl-istqarrija.

Dwar il-biża’ tar-residenti li ssemmiet fl-istqarrija tal-Kunsill, il-Grupp db qal li l-iżvilupp se jinkorpora fih għadd ta’ miżuri favur l-ambjent biex inaqqas mill-inkonvenjent li se jgħaddu minnu r-residenti waqt il-fażi tal-kostruzzjoni. Dwar dawn il-miżuri il-Grupp db qal li fost l-oħrajn se jintuża’ makkinarju li ma jipproduċix wisq storbju u trab, li t-trakkijiet ma jgħaddux minn żoni residenzjali u lanqas biss jersqu lejn is-sit tal-kostruzzjoni fil-peak hours u li jkun hemm barriera mad-dawra tas-sit li fiha ma jkunx hemm żvilupp biex jitnaqqas l-istorbju.