Proġett db: Il-Kummissjoni Ambjent toġġezzjona mal-PA

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent oġġezzjonat formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iżvilupp propost mill-kumpannija db Group għaż-żona tal-bajja ta’ San Ġorġ.
Il-Kummissjoni qalet li tħoss li l-proġett jagħmel għajb lil sistema ta’ ippjanar li l-għan tagħha għandu jkun li toħloq u taqdi komunitajiet sostenibbli.

Fost l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni Ambjent qalet li l-proġett mhux dejjem qed josserva l-floor-area-ratio kif stabbilit mill-politika għall-bini għoli u anke dwar l-impatt tat-traffiku ġġenerat minn dan il-proġett.

Il-Kummissjoni oġġezzjonat ukoll dwar l-impatt li l-proġett se jkolli fuq il-komunitajiet tal-madwar.

Fl-oġġezzjoni tagħha lill-Awtorità, il-Kummissjoni tat dawn ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha:

  1. Il-Floor-Area-Ratio mhux dejjem qed jiġi osservat. Insemmu biss tliet każijiet: (i) 50% tal-art li jkopri s-sit mhux jiġi kkunsidrat bħala spazju miftuħ li hu tassew pubbliku; (ii) l-għoli tal-binjiet huwa kkalkulat daqs li kieku dan il-perċentwal qed jiġi osservat, meta fil-fatt mhuwiex; (iii) l-għoli tal-bini huwa eċċessiv meta tqis l-inħawi li fih se jittella’.
  2. Il-kobor tal-proġett propost juri biċ-ċar li ftit li xejn ingħatat konsiderazzjoni għall-impatt li ser ikollu fuq il-komunitajiet tal-madwar fejn għandu x’jaqsam it-traffiku, l-impatt viżwali, kif ukoll il-mod kif se jnaqqas l-aċċess għad-dawl tax-xemx minħabba l-ammont ta’ dell li se joħloq.
  3. Studji fuq l-impatt tat-traffiku juru li jridu jsiru xogħlijiet infrastrutturali kbar biex jitnaqqas l-effett taż-żieda fit-traffiku li mistennija tinħoloq minħabba dan il-proġett u l-proġetti ġodda kollha fl-inħawi. Dawn jinkludu triq ġdida u tunnel li se tkun qed tgħaqqad din iż-żona mal-inħawi tal-madwar. Huwa mistenni li dawn ix-xogħlijiet jitlestew qabel dan il-proġett ikun approvat. Ix-xogħlijiet (li ironikament se jkunu parzjalment iffinanzjati mit-taxxi tar-residenti ta’ Pembroke infushom), jixhdu l-iskala kbira, u għaldaqstant l-impatt qawwi, li se jkollhom fuq il-komunitajiet tal-madwar.
  4. Hemm il-possibiltà li l-proġett ikollu impatt negattiv fuq is-sit Natura 2000 ta’ Pembroke li għandu jibqa’ jgawdi l-ogħla protezzjoni fuq livell ewropew.

Il-Kummissjoni Ambjent tikteb lil Hard Rock

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent kitbet ukoll lil Hard Rock Hotels, il-kumpannija li mistennija tħaddem lukanda bħala parti mill-iżvilupp propost.

FL-istqarrija, il-Kummissjoni tgħid li taraha stramba kif bħala mottos għandha dawn il-frażijiet bħal “Love All – Serve All, All is One, Take Time To Be Kind, Save the Planet” iżda imbagħad qed qed tidħol għal dan l-iżvilupp f’Malta.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-mottos ta’ Hard Rocks Hotels huwa kważi offiża għall-komunità ta’ Pembroke li se jkollha tbati l-konsegwenzi jekk il-proposta tal-proġett tiġi approvata.
Il-Kummissjoni appellat separatament lil Hard Rock Hotels biex tagħmel pressjoni fuq l-iżviluppaturi ħalli jaħsbuha darbtejn fuq il-proġett li miegħu hemm il-kumpannija tagħhom assoċjata.

Tista’ taqra l-ittra u l-istqarrija hawnhekk: