Proġett db: 5,300 joġġezzjonaw mill-ġdid

Aġġornat 05:20 PM

Read in English.

Il-Moviment Graffitti flimkien ma’ tmien għaqdiet oħrajn qalu li l-proġett tal-Grupp DB fuq is-sit li kien tal-ITS attira aktar minn 5,300 oġġezzjoni li uħud minnhom għadhom iridu jiġu rikonoxxuti mill-Awtorità tal-Ippjanar. Fi stqarrija huma appellaw lill-awtoritajiet biex iħassru l-ftehim illeġġittimu li sar mal-Grupp DB u biex jirritornaw din l-art lill-poplu.

Fi stqarrija, id-9 għaqdiet reġgħu ingħaqdu flimkien biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għal dan il-proġett minkejja t-tibdil li sar mill-iżviluppaturi biex iċekknu l-kobor u jnaqqsu l-impatt li se jħalli fiż-żona.

L-għaqdiet qalu li tul it-tliet perjodi ta’ rappreżentazzjoni fuq din l-applikazzjoni, il-proġett irċieva ‘l fuq minn 14,000 oġġezzjoni li fi kliemhom jgħidu li kemm-il darba kiser ir-rekord ta’ oġġezzjonijiet li rċieva.

Il-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġilan, kif ukoll diversi għaqdiet ambjentali u kulturali, ippreżentaw l-oġġezzjoni tagħhom ukoll.

Huma spjegaw li dan juri li n-nies ma ġewx imqarrqa bil-kampanja aggressiva ta’ reklamar tad-DB li qalu li mliet kull forma ta’ midja f’reklami. Saħqu wkoll li l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu jinjoraw l-oppożizzjoni wiesgħa li baqgħet tintwera kontra l-hekk imsejjaħ “City Centre” tad-DB.

Oġġezzjona wkoll id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li fuq Twitter qal li dan huwa proġett li kien mhejjun mill-eks Ministru Konrad Mizzi b’impatti devastanti fuq iż-żona.

Illum hija l-aħħar ġurnata li fiha jista’ joġġezzjona għal dan il-proġett.