Alice fl-Art bla Meravilji

"Proġett b’saħħtu ħafna kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika" - Rosianne Cutajar

Sean Buhagiar: Ritratt: Clifton Fenech / DOI

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar nedew il-proġett ta’ Teatru Malta ‘Alice in a Wonderless Land’. 

Dan huwa kunċett ta’ teatru ġdid u ser jintuża għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ŻiguŻajg. L-ispettaklu huwa bbażat fuq il-monologu femminista tal-1976, Alice nel paese senza Meraviglie ta’ Franca Rame u Dario Fo. Dan il-proġett se jkun disponibbli esklussivament għall-iskejjel u jistgħu jagħżlu jew verżjoni bil-Malti jew bl-Ingliż.

Jose Herrera. Ritratt: Clifton Fenech / DOI

Il-Ministru Herrera faħħar din l-inizjattiva innovattiva fejn permezz ta’ dan il-proġett qed tintuża l-kultura bħala pjattaforma sabiex jitneħħew ċertu tabelli u jitqajjem aktar għarfien dwar ċertu minoranzi u temi specifiċi inkluż id-drittijiet tan-nisa.

“Permezz ta’ dan il-proġett qed inwasslu messaġġ b’saħħtu ħafna kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika. L-arti u l-kultura nemmen li huma għodod neċċessarji bżonnjużi ferm, sabiex inkomplu inwasslu dawn it-tip ta’ messaġġi soċjali,” qalet s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

“Dan mhux biss huwa proġett dwar il-vjolenza domestika, huwa dwar l-ambjent li jipermetti l-oġettifikazzjoni tal-mara fis-soċjetà. Ukoll, huwa teatru, iġfieri jgħid storja li flimkien kitbu Franca Rame u  Dario Fo,” qal id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar.

Ġie spjegat li Teatru Malta ħareġ bl-idea oriġinali ta’ spettaklu li jista’ jittella’ fl-iskejjel mill-istudenti nfushom, fuq għadd ta’ struzzjonijiet. Dan kollu jista’ jsir waqt li jiġu osservati r-regoli tad-distanza soċjali. Materjal ieħor inkluż fil-kaxxa b’edizzjoni limitata li se tintbagħat lill-iskejjel li jipparteċipaw huma pupa fiżika ta’ Alice, karti ta’ struzzjoni, u USB stick, fost oħrajn. Fil-ħolqien ta’ dan il-proġett, Teatru Malta qed jirrispondi għas-sitwazzjoni attwali u jżomm l-impenn tiegħu li joħoloq ix-xogħol matul il-pandemija.

Il-prestazzjoni nnifisha tbiddel ir-rakkont klassiku ta’ Lewis Carroll b’tali mod li tagħti ħarsa radikali lejn l-esperjenzi u l-inċidenti ta’ Alice waqt li tiskopri lilha nnifisha bħala mara f’dinja dominata mill-irġiel. Billi tieħu xejra kemmxejn skura fuq storja magħrufa sew, Alice fl-Art bla Meravilji titfa’ dawl qawwi fuq it-temi tal-inugwaljanza bejn is-sessi u r-rati ogħla ta’ vjolenza domestika fi żmien il-Covid-19.

Appoġġjat mill-Istituto Italiano di Cultura, u l-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Alice fl-Art bla Meravilji hija koproduzzjoni ma’ ŻiguŻajg u parti mill-programm tal-festival tagħhom. Se jintwerew wirjiet pubbliċi, fejn ser jiġu osservati r-regoli tad-distanza soċjali, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż fi Spazju Kreattiv, Studio A. Bil-Malti: Is-Sibt 5 ta’ Diċembru 2020, 10am; il-Ħadd 6 ta’ Diċembru 2020, 10am. Bl-Ingliż: Is-Sibt 5 ta’ Diċembru 2020, 12pm; il-Ħadd 6 ta’ Diċembru 2020, 12pm. 

Għal aktar informazzjoni dwar Alice fl-Art bla Meravilji żur teatrumalta.org.mt

Rosianne Cutajar. Ritratt: Clifton Fenech / DOI

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.