Proġett Blossom: Servizz psikosoċjali estiż fi skola fin-Naxxar

Read in English.

L-istudenti tal-Middle School tan-Naxxar se jkunu jistgħu jużaw is-servizz psiko-soċjali. Dan wara li l-Malta Trust Foundation kisbest €40,000 għall-proġett Blossom. Dan il-proġett jipprovdi counsellors fl-iskejjel b’mod permanenti.

Deloitte Foundation, Maria Reġina College u l-Malta Trust Foundation iffirmaw ftehim li jiggarantixxi s-servizz ta’ counsellor fl-iskola għal-tliet snin.

Il-President tat-Trust, l-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-iskop tal-proġett Blossom hu li l-istudenti jingħataw l-oppportunità li jsaħħu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ għajnuna psiko-soċjali biex ikunu jistgħu jaffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja. Hija qalet li dan huwa investiment fit-tul biex it-tfal ikollhom futur aħjar.

Carmen Galea li hija waħda mill-counsellors, appellat sabiex l-awtoritajiet tal-edukazzjoni jinvestu aktar f’dan il qasam u jassigguraw li kull skola toffri dan is-servizz. Hija stqarret li waħda mill-problemi rikorrenti li twassal lit-tfal ifittxu l-għajnun hija meta l-ġenituri jkunu għaddejjin mill-proċess ta’ separazzjoni. Hija qalet li minħabba dan il-proċess, ħajjet it-tfal tinqaleb ta’ taħt fuq. Galea qalet li dan il-proġett se jgħin lill-istudenti mill-aspett psikoloġiku u se jgħin ukoll biex l-istudent jirċievi edukazzjoni b’mod ħolisitika.

Dan il-ftehim huwa frott tas-suċċess li l-proġett Blossom kellu fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar erba’ snin ilu, fejn żewġ counsellors, iffinanzjati minn entitajiet privati, offrew sapport lil aktar minn 400 student.

Dan il-proġett sar realta’ permezz l-appoġġ finanzjarju ta’ kumpaniji privati, bħal Deloitte Malta, li reċentement waqqfet il-Fondazzjoni Deloitte – organizzazzjoni volontarja u bla skop ta’ qligħ – bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha biex tħalli impatt fis-soċjeta’.

Marc Alden, CEO ta’ Deloitte Malta, qal li l-kumpanija hija kburija bil-kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation għal din l-inizjattiva, u stqarr li qed jistennew bil-ħerqa r-riżultati pożittivi.

Josette Dalmas, li kienet il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar għal aktar minn tmien snin, qalet li l-counsellors li kienu ffinanzjati mill-proġett Blossom kienu ta’ għajnuna liema bħala speċjalment f’każijiet fejn kien hemm problema ta’ attitudni u f’każijiet fejn studenti mmigranti esperjenzaw twarma kbira minħabba li kellhom jitilqu minn pajjiżhom u jħallu kollox warajhom, bħal ġugarelli, familja u ħbieb.