Filmat: Proġett biex titnaqqas il-ħela tal-ikel

 

Il-Malta Business Bureau (MBB) u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) dalgħodu nedew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett, EU LIFE FOSTER. L-għan ta’ dan il-proġett huwa t-tnaqqis ta’ ħela tal-ikel.

Il-President tal-MBB, Simon De Cesare saħaq li l-ħela tal-ikel huwa suġġett ambjentali ta’ sfida, li anke jaffettwa n-negozji. Qal li dan il-proġett, se jkun anke jikkontribwixxi fis-settur ekonomiku tal-ospitalità. Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, se jindirizzaw il-ħela tal-ikel, waqt li jimmiraw lejn l-industrija tal-ospitalità. Kompla jgħid li dan ħa jservi ta’ bażi tajba għall-pjanijiet ta’ xogħlijiet futuri dwar il-ħela tal-ikel.

Joe Tanti, il-Kap Eżekuttiv ta’ MBB qal li permezz ta’ dan il-proġett, se ssir sħubija Ewropea bejn bosta negozji, universitajiet ta’ xjenza gastronomika, edukazzjoni vokazzjonali u ċentri tat-taħriġ. Id-Direttur tas-Servizzi Korporattivi tal-ITS, Claire Briffa qalet li dan il-proġett ħa jkun jiffoka l-iżjed fuq taħriġ u prevenzjoni.

L-ITS se tkun qed tibgħat lil-letturi li ħa jwasslu dan it-taħriġ l-Italja. Se jkunu mħarrġa dwar metodi ta’ tnaqqis ta’ ħela tal-ikel fir-ristoranti. L-istudenti se jkunu qed idaħħlu fil-prattika dan it-taħriġ mal-ewwel.

Bidla fl-edukazzjoni tal-koki

Dan il-proġett se jimplimenta bidla fl-edukazzjoni tal-koki, fl-istaff tal-kċina, u fil-bqija tal-ħaddiema tar-ristoranti. Se jsiru bosta seminars u workshops għal bosta sidien u ħaddiema

ta’ ristoranti. Il-proġett se jkun qed iwassal ukoll għal hackathon fi tmiem is-sena skolastika, fejn tliet studenti mill-ITS se jikkompetu ma’ studenti minn pajjiżi oħra. Dawn se jkunu qed jiddiżinjaw u jsajru menu b’ikel effiċjenti.

Il-ħela tal-ikel saret prijorità fl-aġenda Ewropea. Dan ġie rifless fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkulari tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea. 30% tal-ikel madwar id-dinja jiġi moħli.

Filmat: Luke Zerafa