Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava nedew proġett bil-mira li lokalitajiet madwar Malta u Għawdex ikollhom spazji miftuħa fil-qalba tagħhom bil-għan li ċ-ċentri jkunu jistgħu jitgawdew aktar mill-komunitajiet. Dan billi ma jitħallewx karozzi f’dawn iż-żoni f’xi ħinijiet tal-ġurnata f’ċerti jiem.
Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa minn dawn il-Ministeri. Flimkien ma’ ħidma minn Transport Malta, se jsir eżerċizzju sabiex pjazez u toroq prinċipali jkunu jistgħu jingħalqu għal perjodu ta’ ħin f’ċerti ġranet bit-traffiku jiġi devjat għal toroq oħra.
Fl-istqarrija ntqal li dan il-proġett għandu joħloq diversi opportunitajiet, fosthom dik li ċ-ċentri pittoreski tal-irħula u l-bliet f’Malta u Għawdex ikunu jistgħu jitgawdew b’mod trankwill mill-familji filwaqt li se jagħti anke possibbiltajiet lill-attivitajiet kummerċjali tal-lokalitajiet rispettivi.
Il-Ministru Ian Borg stqarr, “Il-pandemija li qed inħabbtu wiċċna magħha ġabet realtajiet ġodda li ħadd ma kien qiegħed jobsor imma tatna ċans naraw aspetti ġodda u ngħarblu fuqhom. Rajna l-pjazez u t-toroq tal-irħula u l-ibliet tagħna vojta, mingħajr karozzi, u tgħallimna napprezzaw is-sabiħ anke f’dan. U allura għaliex ma għandniex naħdmu sabiex dawn iż-żoni jkunu car free f’ċerti ħinijiet u ġranet sabiex l-ispazji miftuħa jkunu jistgħu jiġu apprezzati fiżikament min-nies f’ambjent ta’ kwalità ta’ arja aħjar, filwaqt li nagħtu possibbiltà lin-negozji jwasslu s-servizzi tagħhom wara perjodu xejn pożittiv minħabba l-Covid-19?”
Issokta jgħid li dan il-kunċett għandu jservi ta’ pjattaforma għall-artisti biex pereżempju, idoqqu l-mużika fil-pubbliku, u billi entitajiet u każini fil-lokalitajiet jingħaqdu biex itellgħu produzzjonijiet mużikali u teatrali.
Bħala inċentiv, il-Ministeru għat-Trasport se jkun qiegħed ukoll jgħin fit-tisbiħ u l-manutenzjoni ta’ proġetti fl-istess irħula, kif ukoll joffri għadd ta’ siġar sabiex jiġu miżrugħa f’postijiet identifikati mill-istess Kunsilli Lokali.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera qal dan il-proġett għandu jagħti spinta pożittiva lill-ambjent lokali, kif se twassal biex dawn iċ-ċentri jkollhom inqas tniġġis.
Kunsilli Lokali interessati biex jipparteċipaw f’dawn il-proġetti huma mitluba jikkuntattjaw lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li qed tikkordina din l-inizjattiva flimkien mal-Ministeru għat-Trasport u l-Awtorità għat-Trasport.
Ħaż-Żebbuġ bi pjazza pedonali fil-btajjel pubbliċi
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ jidher li diġà laqa’ dan il-proġett peress li ħabbar li ladarba tgħaddi l-pandemija, il-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ se ssir waħda pedonali fil-btajjel pubbliċi, jiġifieri f’14-il ġurnata fis-sena.