Profitti ta’ €68.5 miljun għal BOV bejn Ottubru u Marzu

Il-Bank of Valletta rrapporta profitti ta’ €68.5 miljun qabel it-taxxa, għall-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja.
Fi stqarrija, il-Grupp Bank of Valletta qal li l-profitti għall-istess perjodu s-sena li għaddiet kienu ta’ €58.8 miljuni.
Il-Grupp iġġenera dħul mill-operat ta’ €134.5 miljuni, żieda ta’ 12.5% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. L-ispejjeż tal-operat kienu jammontaw għal €58.4 miljuni, tkabbir ta’ 7%.
Il-proporzjon tad-dħul meta mqabbel mal-ispejjeż huwa ta’ 43.3%. Is-sena l-oħra dan kien ta’ 41.8%.
It-tkabbir fid-dħul kien stimulat mis-servizzi tal-investiment, fosthom stockbroking, bancassurance u servizzi tal-wealth management, kif ukoll tranżazzjonijiet bil-karti tal-kreditu.
Iż-żieda fl-ispejjeż hija attribwita l-aktar għal spejjeż ogħla, relatati mar-riżorsi umani, wara li kien iffirmat il-Ftehim Kollettiv f’Diċembru 2015.
Il-Bord tad-Diretturi approva interim dividend gross ta’ €0.0391 għal kull sehem. Dan ifisser €0.0254 għal kull sehem nett mit-taxxa.
Id-dividend jirrappreżenta rata ta’ distribuzzjoni ta’ 22% mill-profitti wara t-taxxa, ikkomparat ma’ proporzjon ta’ 23% fl-2015.