​Profitt ta’ kważi €144 miljun għall-Bank of Valletta

Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar profitt qabel it-taxxa ta’ €143.9 miljuni għal dawn it-tnax il-xahar, li tfisser żieda ta’ 21.5% fuq il-profitt aġġustat qabel it-taxxa għall-istess perjodu s-sena l-oħra.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Deo Scerri sostna kif din hija sena straordinarja għal Bank, billi s-sena finanzjarja se tkun twila 15-il xahar sa Diċembru li ġej. Dan sabiex mis-sena d-dieħla ‘l quddiem, is-sena finanzarja tal-Bank se tkun bejn Jannar u Diċembru, minflok bejn Ottubru u Settembru kif kien jiġri sas-sena l-oħra.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta irrefera għal ħruġ imminenti ta’ ishma bi dritt biex il-Grupp isaħħaħ il-bażi kapitali tiegħu. Qal li dan huwa pass importanti bħala istituzzjoni finanzjarja “sistematikament importanti għal Malta”, iżda wkoll biex il-Bank iżid is-self tiegħu, jinvesti iktar u jqassam dividends aħjar lill-azzjonisti tiegħu.
Deo Scerri qal li wieħed għandu jinterpreta r-riżultati tal-Bank fl-isfond tal-ekonomija lokali li fi kliemu sejra tajjeb ħafna.
Fl-istess waqt, qal li l-Bank żied l-ispejjeż tiegħu minħabba r-riżorsi umani, investiment fl-IT u spejjeż ġodda minħabba r-regolamentazzjoni. Semma kif id-dħul mill-profitti ta’ Mapfre MSV Life żdied sostanzjalment għal €14.5 miljun.
Semma kif id-depożiti tal-klienti komplew jiżdiedu u qabżu l-€10 biljun. Fejn jidħol self, qal li 42% tiegħu imur għal self fuq djar.