Profili foloz fuq Facebook f’isem Ministru “jingannaw lil Maltin”

Read in English.

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal fuq Facebook li profili foloz ġew ikkreati f’ismu u qed jippruvaw jingannaw lil Maltin.

Bonnici spjega li xi individwi jew organizzazzjonijiet li probabbilment huma barranin ħolqu profili foloz tiegħu u qed ikellmu lin-nies permezz ta’ Facebook messenger bil-lingwa Ingliża. Qal li dawn qed jitolbu lil dak li jkun iżid lil xi ħadd barrani bħala ‘friend’ fuq Facebook sabiex ikellimhom fuq xi skemi misterjużi.

Qal li dak li jkun jibda jaħseb li huwa l-Minstru Bonnici stess li qed ikellimhom, iżda dan mhux minnu. Spjega li din l-istorja ilha għaddejja numru ta’ ġimgħat, iżda dan l-aħħar donna qed issir aktar frekwenti.

Hu talab lil dawk kollha li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ dawn il-profili sabiex jagħmlu rapport dirett lil Facebook. Qal li hu wkoll għamel ir-rapporti meħtieġa min-naħa tiegħu.

Hbieb, xi individwu jew organizzazzjoni (probabbilment barranin) holqu ghadd ta' fake profiles tieghi u qed joqoghdu…

Posted by Owen Bonnici on Sunday, August 18, 2019

Intant fil-kummenti bosta persuni kkummentaw fuq il-post ta’ Bonnici u spjegaw li hemm aktar profili foloz ta’ persuni magħrufa Maltin li qed iqarrqu bl-istess mod, fosthom semmew lill-Ewroparlamentari Miriam Dalli, is-Sindku tal-Imqabba, u anke tal-Prim Ministru stess.