Malti msemmi fl-akbar skandlu li laqat l-amministrazzjoni Trump

Joseph Mifsud

Isem il-Professur Joseph Mifsud, id-direttur tal-Akkademja tad-Diplomazija f’Londra, ġie identifikat f’dokument ta’ 20,000 paġna, bħala l-akkademiku li allegatament kien il-kuntatt bejn il-Gvern Russu u l-kampanja presidenzjali ta’ Donald Trump.
Rapporti fil-midja Amerikana identifikaw li kien Joseph Mifsud li għamel kuntatt ma’ George Papadopoulos, li mexxa l-kampanja presidenzjali ta’ Trump, u li kien għamel kuntatt ma’ Papadopoulos, biex jgħidlu li kellu dokumenti li ‘jħammġu’ lill-avversarju ta’ Trump, Hillary Clinton. Dawn id-dokumenti kienu f’forma ta’ imejls. Il-Professur kien qal ukoll li kellu rabtiet sostanzjalment f’saħħithom ma’ uffiċjali tal-Gvern Russu.
Il-Professur Mifsud u George Papadopoulos ħadmu flimkien fl-Akkademja f’Londra bejn Frar u April 2016.
Il-bijografija ta’ Mifsud, li kien ukoll rappreżentant għall-Università ta’ Malta fi Brussell u f’Ruma, tneħħiet mill-websajt tal-akkademja. Kienet tgħid li kien membru tal-Grupp Valdai, li jorganizza laqgħat annwali fir-Russja, li jservu bħala vetrina għall-politika tal-President Russu Vladimir Putin.
Rapporti fil-midja Amerikana qalu li fil-verità huwa attenda dibattitu tal-Grupp darba biss, fl-2014. Ma reġax kien preżenti minħabba akkużi ta’ plaġjariżmu ta’ artiklu li ppubblika fuq il-websajt tal-grupp.
Il-Professur Mifsud kien ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Eks Ministru Michael Frendo.
Il-Professur Malti jintroduċi lil Papadopoulos ma’ ‘qariba’ ta’ Putin
Jidher li f’laqgħa fil-21 ta’ Marzu 2016, il-Professur Mifsud ħa miegħu Russa, li introduċiha ma’ Papadopoulos bħala qariba ta’ Putin.  Ġie rrappurtat li madanakollu, ma kien hemm l-ebda provi li l-mara kienet qariba tal-President Russu.
Skont stqarrija tal-gvern, ikkwotata mill-midja Amerikana, Papadopoulos attenda laqgħa tas-sigurtà nazzjonali, li fiha kien hemm Trump. Papadopoulos ġie deskritt bħala l-persuna li kellu kuntatti biex jorganizza laqgħa bejn Trump u Putin.
Ir-Russa mbagħad bdiet tikkomunika direttament ma’ Papadopoulos, u f’waħda mill-imejls semmiet li lkoll jinsabu eċitati bil-possibilità ta’ relazzjoni tajba ma’ Trump.  L-imejl, datata April 2016, kienet tgħid ukoll li “l-Federazzjoni Russa kuntenta li tilqa’ lil Trump, la jħabbar uffiċjalment il-kandidatura tiegħu”.
Ġie rrappurtat, li xi jiem wara, Papadopoulos irringrazzja lill-Professur Mifsud għall-għajnuna siewja tiegħu, u qallu li jekk issir il-laqgħa tkun qed tinkiteb l-istorja.
Il-Prosekuzzjoni qalet li wara t-tieni intervista tiegħu mal-FBI, Papadopoulos ħassar il-profil ta’ Facebook li kien juri li kellu laqgħat mal-Professur Malti u kuntatt ieħor b’rabtiet mar-Russja.