Professur jistaqsi dwar x’qed iwaqqaf liż-żgħażagħ milli jsiru bdiewa

Il-Professur Everaldo Attard qal li minkejja li s-settur agrikolu jibqa’ fost l-iktar setturi b’saħħithom f’Malta, inqas u inqas żgħażagħ qed jikkunsidraw karriera fil-biedja lokali.
Waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-istudenti tax-Xjenza u tal-Arti fil-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt, il-Professur Attard spjega li kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, li jwassal lill-bdiewa biex jagħmlu t-telf meta l-uċuħ tar-raba’ jinqerdu, l-użu tal-pestiċidi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kollha qed iwasslu liż-żgħażagħ biex jagħżlu karriera li toffrilhom iktar sigurtà.
Għal din ir-raġuni, il-Professur Attard appella lill-awtoritajiet biex jaħdmu iktar qrib il-bdiewa, sabiex jagħrfu aħjar il-bżonnijiet tagħhom u fl-istess ħin jipproteġu l-wirt agrikolu Malti.
Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-awtoritajiet jibdew jieħdu passi iktar ħorox ma persuni li jirriklamaw prodotti barranin jew ta’ kwalità baxxa bħala prodotti Maltin, sabiex jagħtu iktar sigurtà lill-produtturi ġenwini li jinvestu ħinhom u flushom fil-produzzjoni ta’ ikel bnin u Malti.  
Kompla jgħid, li l-awtoritajiet huma fid-dmir li jaraw li prodotti barranin li jinbiegħu Malta jkunu għaddew minn testijiet tas-sigurtà u jilħqu l-livell ta’ kwalità ta’ podotti Maltin, għax għalkemm skontu l-kompetizzjoni hija bżonnjuża, għandha tkun ugwali għal kulħadd.   
Il-Professur Attard għalhekk ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp tal-industrija sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-iżviluppi fit-teknoloġija u fl-istess ħin jattiraw lil iktar studenti.
Temm jisħaq li għalkemm il-biedja Maltija trid tlaħħaq mad-dinja li qed tinbidel kontinwament, ma tridx tħalli warajha t-tradizzjonijiet Maltin, u għalhekk trid tkompli tfittex it-triq tan-nofs.