Professur Awstraljana titkellem dwar it-trab, l-istorbju u t-traffiku f’Malta

Professur Awstraljana li tispeċjalizza fuq ir-rabta bejn il-mard tan-nies u l-bidliet fil-klima, se tkun Malta biex tagħmel pressjoni sabiex issir xi ħaġa urġenti biex jitnaqqsu l-affarijiet li qed jaffettwaw ħażin is-saħħa tan-nies.
Il-Professur Hilary Bambrick mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Queensland se tieħu sehem f’dibattitu li se jiffoka fuq it-trab, l-istorbju, it-tniġġiż mit-traffiku u l-bini bla rażan.
Fi stqarrija, Dr Marie Briguglio li hi lecturer tal-università fl-ekonomija tal-ambjent u se tmexxi d-diskussjoni, spjegat li din hi inizjattiva li tinkoraġġixxi l-awtoritajiet biex iħarsu l-poplu b’immaniġjar aħjar.
Spjegat li min jinteressah mill-ġid tan-nies ma jistax jinjora l-fatt li qed ngħixu fi żmien meta qed nitilfu spazji miftuħa biex jinbnew jew biex jgħaddu l-karozzi minnhom, meta l-Malta li ħafna nies jafu tinsab mimlija konġestjoni, tniġġiż, bini u postijiet ta’ parkeġġ u meta wkoll qed isir iktar perikoluż li toħroġ timxi.
Id-diskussjoni dwar ir-rabta bejn il-mard u l-ambjent se ssir nhar l-Erbgħa filgħodu fil-Palazz Verdala u hi organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.  
Iktar dettalji fuq 2148 4662 jew pfws.opr@gov.mt.