Professjonisti żgħażagħ Maltin jaqtgħu l-għatx fl-Etjopja

Dalgħodu tmien żgħażagħ Maltin, fosthom il-kantant Gianluca Bezzina, telqu għal ħames ġimgħat, lejn l-Etjopja biex iwettqu u jtemmu proġetti tal-ilma li bdew Maltin li telgħu qabilhom, bil-għan li persuni foqra jkollhom ilma ġieri.
Ftit qabel ma’ ħallew Malta, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Manuel Chetcuti, project manager ta’ Living Waters. Manuel spjega li ta’ kull sena grupp ta’ żgħażagħ jitla’ l-Etjopja biex jaħdem fuq proġetti tal-ilma.
Manuel spjega li l-isem Living Waters ġej mhux biss mill-fatt li l-ilma jagħti l-ħajja, imma anke bbażat fuq is-silta Biblika ta’ meta Ġesù, maġemb bir, jiltaqa’ mal-mara s-Samaritana u jgħidilha li hu jagħtiha “ilma ħaj.”
Għalhekk il-gruppi li jitilgħu, barra l-ilma materjali jagħmlu wkoll missjoni ta’ Evanġelizazzjoni.
Chetcuti spjega li l-grupp Malti se jiftaħ uffiċjalment żewġ proġetti ta’ ilma li nħadmu bl-għajnuna tal-Maltin u li bejniethom ġew jiswew madwar €56,000. 
Matul is-sitt ġimgħat, il-grupp Malti se jorganizza attivitajiet ta’ formazzjoni spiritwali għaż-żgħażagħ. Manuel spjega li fl-Etjopja, il-lajċi ma tantx huma nvoluti u għalhekk il-grupp Malti jaħdem ukoll fuq dan l-aspett.
Għal Manuel li tela’ l-Etjopja tnax-il darba kull esperjenza hija unika. Qal li mill-esperjenza kull min jitla’ jibda jaħseb b’mod differenti u jagħraf kemm l-affarijiet materjali mhumiex importanti.
Fost il-professjonisti hemm żewġ tobba, social worker, infermiera, għalliem tal-mużika, perit u studenta għal perit
Għal aktar informazzjoni dwar din l-esperjenza tista’ żżur il-paġna ta’ Facebook: Living Waters Mission Team.