Prof. Oliver Friggieri se jiġi mfakkar b’monument

Wasla tal-korteo funebri ta' Prof. Friggieri fil-Konkatidral ta' San Ġwann; Ritratt: Reuben Piscopo
Wasla tal-korteo funebri ta' Prof. Friggieri fil-Konkatidral ta' San Ġwann; Ritratt: Reuben Piscopo

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela inkariga lil Heritage Malta biex isir monument f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri, ġgant tal-letteratura u tal-identità nazzjonali Maltija, li miet nhar is-Sibt li għadda u ngħata l-aħħar tislima llum.

Huwa kellu 73 sena.

Dr Abela ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla Heritage Malta se tkun qed toħroġ sejħa għall-proposti biex l-artisti jkunu jistgħu jieħdu sehem f’din l-inizjattiva. “Ismu se jibqa’ mfakkar u nħoss li dan il-mafkar jagħti ftit mill-ħajr li jixraq lil dan l-iprem Malti,” qal il-Prim Ministru.

Il-funeral ta’ Prof. Friggieri
Filmat: Malta ssellem lil Prof. Oliver Friggieri

Oliver Friggieri twieled il-Furjana fl-1947, u studja l-Università ta’ Malta, fejn kiseb Baċellerat tal-Arti fil-Malti, Taljan u l-Filosofija fl-1968 u Masters fl-1975. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università Cattolica del Sacro Cuore f’Milan, fejn kiseb Dottorat fil-Letteratura Maltija u fil-Kritika Letterarja.

Huwa qatta’ għexieren ta’ snin jaħdem bħala lekċerer tal-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta, fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti. Kien ukoll Kap tad-Dipartiment għal xi snin.

Jibqa’ mfakkar għall-kontribut wiesa’ tiegħu lil-letteratura Maltija: fil-poeżija, fil-proża, fit-teatru, fit-traduzzjoni u fil-kritika letterarja. Fost l-aktar rumanzi popolari tiegħu nsibu L-Istramb, Fil-Parlament Ma Jikbrux FjuriIl-Gidba It-Tfal Jiġu bil-Vapuri. Xi poeżiji magħrufin tiegħu huma “Jekk,” “Eh, Forsi,” u “Requiem għal Ommi.”

L-aħbar tal-mewt ta’ Friggieri
Imut il-kittieb u akkademiku Oliver Friggieri