Prof. Ian Refalo jinħatar bħala President tal-MCAST

Aġġornat 12:57 PM

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li l-Professur Ian Refalo nħatar bħala l-President tal-Kulleġġ Malti tax-Xjenza, Arti u Teknoloġija (MCAST). Prof. Refalo huwa Professur tal-Liġi Pubblika u serva għal diversi snin bħala Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.

Huwa jokkupa l-pożizzjoni ta’ Professur Ad Personam Jean Monnet fl-Università ta’ Malta.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni kien spjegat li hu meqjus bħala awtorità fil-liġi amministrattiva u pubblika u ppratika bħala avukat għal iktar minn 40 sena. L-esperjenzi tiegħu varjaw f’diversi kampi, senjatament dawk tad-drittijiet tal-bniedem, tal-liġi ċivili, kummerċjali u amministrattiva, u wkoll aġixxa bħala avukat ewlieni f’każijiet ta’ importanza.

Ħadem bħala avukat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici rrimarka li l-esperjenza vasta u wkoll il-professjonalità tal-Professur Refalo se tarrekixxi x-xogħol kbir li jsir f’dan il-Kulleġġ. Hu awgura lill-Professur Refalo għall-ħidma tiegħu bħala President tal-MCAST, u qal li jinsab ċert li flimkien mat-tim kollu ta’ diretturi, edukaturi u wkoll staff professjonali li bih huwa mogħni l-Kulleġġ, din il-ħidma se tkompli ssaħħaħ din l-istituzzjoni edukattiva.

Il-Gvern kompla billi rringrazzja lis-Sur Frederick Schembri li serva għal sentejn bħala President tal-MCAST b’mod impekkabbli u lill-Professur Mark Borg, il-Viċi-President attwali, li serva bħala Aġent President fl-aħħar jiem.

Fi stqarrija, l-unjin tal-għalliema, l-MUT ferħet lill-Professur Refalo għal din il-ħatra u rringrazzjat lil Frederick Schembri tal-ħidma li wettaq fiż-żmien li kien President tal-MCAST.