Kontrolli tal-Covid-19 fuq Gozo Channel, imma mhux fuq dgħajjes privati – PN

Aġġornat 07:32 PM

Read in English.

Waqt li t-temperatura tal-passiġġieri li jidħlu Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel, l-ebda kontrolli qegħdin isiru fuq dawk li jidħlu fil-gżira Għawdxija b’mezzi oħra, inkluż dgħajjes privati.

Dan ħareġ waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti ghall-Affarijiet ta’ Għawdex, li ġiet msejħa b’urġenza mill-Oppożizzjoni.

Il-kumitat ġie ndirizzat mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, u d-deputati qablu li fil-briefings li tagħmel fuq il-Covid-19 darba fil-ġimgħa, għandha tingħata nformazzjoni speċifika fuq Għawdex biex jiġu evitati ċertu xnigħat. Min-naħa tagħha, Gauci laqgħet is-suġġeriment, u kkonfermat li hemm 9 każi attivi ta’ Covid-19 f’Għawdex.

Il-laqgħa kienet waħda storika għall-kumitat, li twaqqaf din is-sena stess, ghal raġuni oħra: kienet l-ewwel laqgħa tiegħu ġewwa Għawdex.

L-anzjani se jitħallew fil-lukanda fir-Rabat

Rappreżentanti ta’ Steward Health Care, li għandhom f’idejhom l-isptar ġenerali ta’ Għawdex, kienu wkoll preżenti għal laqgħa. Huma spjegaw li l-anzjani li kienu f’Dar Sant’Anna ġo l-isptar stess se jibqgħu jinżammu f’lukanda fir-Rabat fejn kienu ġew trasferiti malli bdiet l-imxija tal-COVID-19.

F’isem l-Oppożizzjoni, il-kelliem għal Għawdex Chris Said esprima tħassib dwar in-nuqqas ta’ kjarezza dwar ir-raġunijiet għaliex ċertu anzjani ġew trasferiti fil-lukanda u oħrajn tħallew fl-Isptar. Qal li mid-diskussjoni ħareġ ukoll li m’hemmx ċertezzi dwar meta se jibda u wisq iktar meta se jitlesta l-isptar il-ġdid imwiegħed minn Steward Health Care. Fil-laqgħa, Said qal li ħareġ ukoll li kienet biss deċiżjoni tal-Gvern li l-infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta ma jitħallewx imorru jaħdmu Għawdex u jiddaħlu minflokhom u direttament minn barra infermiera barranin.

Matul il-laqgħa, Said qal ukoll li l-pulizija, tant importanti biex tinżamm l-ordni fl-akwati tal-iskejjel, għad mhux qed jiġu kkonsultati, issa li l-istess skejjel waslu biex jiftħu u hu meħtieġ kordinament sħiħ bejn kulħadd, inkluż il-pulizija.