Prof. Gauci tgħid li Abela m’għandux jagħmel 14-il jum kwarantina

Read in English.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret li l-PM Robert Abela m’għandux għalfejn jagħmel 14-il jum kwarantina wara li siefer il-Libja u rritorna Malta.

Prof. Gauci qalet dan fil-Gazzetta tal-Gvern tal-lum.

Qalet li l-ordni tal-perjodu ta’ kwarantina għal dawk il-persuni li kienu fuq it-titjira 9H-ELI CITATION X minn Malta għal-Libja u dawk li ġew lura fuq it-titjira 9H-ELI CITATION X mil-Libja lejn Malta fit-28 ta’ Mejju huma eżenti mill-kwarantina relatata ma’ dawn it-titjiriet.

Filmat li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali dwar iż-żjara juri lil Robert Abela jieħu b’idejn għadd ta’ persuni waqt iż-żjara. L-awtoritajiet tas-saħħa madwar id-dinja bħalissa qed jappellaw lin-nies biex iżommu d-distanza minn xulxin u jevitaw kuntatt mhux neċessarju ma’ xulxin. Il-filmat juri wkoll li Robert Abela ma kienx liebes maskra.

Abela qal li waqt iż-żjara uffiċjali fil-Libja kellu diskussjonijiet mal-Prim Ministru tal-Gvern tal-Għaqda Nazzjonali Fayez al-Sarraj. Ġie ffirmat ftehim bejn Malta u l-Libja li qablu li jwaqqfu ċentru ta’ koordinazzjoni f’kull pajjiż biex jassistu f’operazzjonijiet kontra l-migrazzjoni rregolari.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo marru l-Libja ma’ Abela.

Fuq Facebook, il-MP tal-PN Jason Azzopardi staqsa lil Prof. Gauci jekk il-filmat li jidher fih Abela jurix social distancing?

Domanda lil Prof Charmaine Gauci. Dan il-filmat juri social distancing? Min gie mill-Libja llum irid jew ma jridx jaghmel kwarantina?

Posted by Jason Azzopardi on Thursday, May 28, 2020

Bħalissa, min jidħol Malta minn barra jrid joqgħod 14-il ġurnata kwarantina obbligatorja.

Fl-10 ta’ Marzu d-Dipartiment tas-Saħħa kien ħeġġeġ lin-nies biex jevitaw milli jieħdu b’idejn xulxin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn