Prof. Gauci tiddistanzja ruħha mill-Gvern dwar l-attivitajiet tal-massa

Skont l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), dokumenti uffiċjali maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa juru biċ-ċar li s-Supretendenza tas-Saħħa hija kontra l-organizzazzjoni tal-avvenimenti tal-massa.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni saħqet li l-awtoritajiet għandhom joqogħdu fuq il-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u jħassru l-avvenimenti kollha tal-massa.

Il-MAM qalet li tinsab diżappuntata li l-Ministeru tat-Turiżmu bl-appoġġ ċar tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru mhux biss injora l-parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika iżda anke wasal biex awtorizza l-avvenimenti tal-massa. Il-MAM qalet li dawk responsabbli għandhom jikkonsultaw mal-kuxjenza tagħhom dwar il-ħsara li tali deċiżjoni se tħalli fuq is-saħħa tal-Maltin kif ukoll fuq l-irkupru tal-attività ekonomika.

Intant, l-organizzaturi tal-erba’ festivals internazzjonali tal-massa li kellhom isiru fil-pajjiż bejn dan ix-xahar u Settembru tħassru. Kienu l-istess organizzaturi li ħabbru dan fuq is-sit soċjali tagħhom.

L-ewwel wieħed – Escape 2 The Island kien se jsir bejn it-28 u t-30 ta’ Awwissu. Warajh kellu jsir Rhythm and Waves bejn l-4 u s-6 ta’ Settembru. The BPM Festival kellu jsir bejn il-11 u t-13 ta’ Settembru u Mi Casa Festival bejn it-18 u l-21 ta’ Settembru.

L-organizzaturi ħabbru li ġew infurmati mill-partners tagħhom fi ħdan l-Awtorità Maltija li minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19, dawn l-avvenimenti mhux possibbli li jsiru.