Prof. Edward Scicluna se jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali

Prof. Scicluna se jkun qiegħed jirreżenja minn Ministru fil-jiem li ġejjin

Edward Scicluna
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Gvern ppropona lill-Ministru tal-Finanzi attwali Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija mill-Gvern li spjegat li Scicluna se jkun qiegħed jirreżenja minn Ministru għall-Finanzi fil-jiem li ġejjin u minn deputat fil-Parlament sal-aħħar tas-sena.

Il-Gvern irringrazzja lill-Ministru Sciculna tax-xogħol li wettaq bħala ministru għall-finanzi matul dawn l-aħħar seba’ snin.

Il-Gvern ħabbar ukoll li se jkun qiegħed jaħtar lil Mario Vella bħala Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit.

Spjega li din il-kariga se tidħol fis-seħħ minħabba li fl-1 ta’ Jannar 2021 se jkun qed jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit u fir-Renju Unit jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda f’setturi differenti li jħallu impatt fuq il-Gżejjer Maltin.

Il-Gvern kompla li dan se jseħħ wara li kien hemm approvazzjoni mill-Bank Ċentrali u se jkun qiegħed jirreżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2020.

Il-Gvern radd ħajr lil Mario Vella tal-ħidma li wettaq bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.