Prof. David Attard elett mill-ġdid bħala Imħallef fi Tribunal tal-UN

Il-Professur David J. Attard kien elett mill-ġdid bħala Imħallef tal-International Tribunal for the Law of the Sea.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien spjegat li lbieraħ kien hemm laqgħa bejn l-istati li huma parti mill-United Convention on the Law of the Sea (UNCLOS). Hawn Prof. Attard kien elett mill-ġdid wara li ġab l-akbar maġġoranza ta’ voti qalb il-kandidati. Hu rċieva record ta’ 160 vot.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo awgura lil Prof. Attard u wera l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li bħal Prof. Attard jaqdu l-missjonijiet tal-Ministeru u ta’ Malta ‘l barra mill-pajjiż.

Prof. Attard kien elett bħala Imħallef għall-Punent tal-Ewropa u Oħrajn (WEOG), il-grupp jinkludi fih l-Awtralja u l-Kanada. L-elezzjonijiet saru fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Maqgħuda fi New York. Hu kien elett għall-ewwel darba fit-Tribunal fl-20 ta’ Ġunju tal-2011 u f’Ottubru tal-2017 kien intgħażel biex iservi bħala Viċi-President tal-istess Tribunal.

Il-Professur iddedika aktar minn 35 sena ta’ servizz tiegħu għall-kodifikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tal-liġi marittima. Hu ilu jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-IMO International Maritime Law Instititute (IMLI) mill-1992. Minn taħt id-direzzjoni tiegħu iggradwaw aktar minn 1,000 avukat u uffiċjali minn 146 stat.

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri, Carmelo Mifsud Bonnici, f’isem il-Partit Nazzjonalista, feraħ lill-Prof. Attard. Qal li din il-ħatra u konferma tkompli tagħmel ġieħ lil Profs. Attard li ismu huwa direttament assoċjat ma’ din il-parti tal-liġi tad-dritt pubbliku internazzjonali. Qal li din il-ħatra żżid ukoll fl-istima tal-pajjiż fil-fora internazzjonali għax tixhed li wlied dawn l-gżejjer huma kapaċi jservu sew lill-komunità dinjija.