Filmat: Twieġeb Prof. Charmaine Gauci fuq Newsbook Q&A

Read in English.

Hekk kif Malta qed terġa’ tidħol fir-rutina tax-xogħol kif kienet qabel il-pandemija tal-COVID, bosta qed jistaqsu kemm se tkun differenti l-ħajja. X’bidliet għandna nistennew li naraw u kemm se jdumu magħna dawn il-bidliet? Ċerti kambjamenti se jsiru parti minn ħajjitna? Hemm xi mod kif nistgħu nħossuna anqas mhedda minn dan il-virus?

Waqt Newsbook Q&A, Prof. Charmaine Gauci kienet intervistata minn Sylvana Debono fuq Newsbook.com.mt illum fl-4pm.

Hi tkellmet dwar kif il-pandemija bidlitilha ħajjitha. Prof. Gauci qalet li hi ilha fl-irwol għal ftit aktar minn tliet snin, iżda kellha esperjenza twila qabel fil-mard infettiv. Qalet li meta tkun taħdem fis-saħħa pubblika, tkun taf li għandek ħinijiet differenti minn dawk normali u jkollok sitwazzjonijiet li jinqalgħu u jkollok bżonn tieħu azzjoni u tkun flessibbli.

Dwar l-irqad, Prof. Gauci qalet li kemm għaliha, kif ukoll għat-tim tas-saħħa pubblika naqas ħafna. Qalet li minħabba s-sitwazzjoni dawn il-ħaddiem kellhom ukoll inqas ħin mal-familja u kienet importanti li l-familja taċċetta u tifhem is-sitwazzjoni tiegħek. Prof. Gauci qalet li matul iż-żmien kellha l-għajnuna tar-raġel tagħha u tat-tifel tagħha li kienu jsajrulha ikla tajba filgħaxija.

Prof. Gauci spjegat li l-press briefings riedu li jagħmluha ta’ kuljum għax xtaqu li jkun hemm trasparenza. Qalet li kemm jista’ jkun taw dettalji l-aktar importanti tas-sitwazzjoni fil-pajjiż. Spjegat għaliex ċertu mistoqsijiet ma kinux imwieġba jew imwieġba fid-dettall, qalet li jew kienet tkun xi mistoqsija dwar dettalji personali li jistgħu jwasslu għal identifikazzjoni ta’ pazjenti, jew inkella għax tkun fuq xi proċeduri jew miżuri ġodda li jkunu qed jiġu diskussi u b’hekk ir-risposta ma kinitx tkun eżatta u korretta.

Titkellem dwar il-ftuħ tal-fruntieri…

Dwar il-kunċett tas-safe corridors, Prof. Gauci semmiet li huma identifikaw pajjiżi li għandhom epidemoloġija simili għal Malta. Qalet li dawn bħal qisek qed tivjaġġa bejn Malta u Għawdex. Spjegat li l-lista se jkunu qed jaġġornawha. Imbagħad, qalet li l-persuni jridu jiddikjaraw li kienu fil-pajjiż minn fejn se jaqbdu t-titjira għall-aħħar erba’ ġimgħat qabel it-titjira.

Tkellmet ukoll dwar il-permess li ngħata l-Prim Ministru Robert Abela biex ma jagħmilx il-perjodu ta’ kwarantina minħabba li mar il-Libja. Qalet li din it-tip ta’ eżenzjoni tingħata skont l-importanza tax-xogħol ta’ persuna.

“Aħna qatt ma ridna ndaħħlu biża’ fin-nies”

Prof. Gauci spjegat li bħala l-awtoritajiet tas-saħħa, qatt ma riedu jnisslu biża’ fin-nies iżda riedu biss iħeġġu tibdil fl-aġir. Qalet li l-poplu fehem eventwalment x’inhuma ċ-ċirkustanzi jekk ma joqgħdux attenti għal saħħithom u saħħet il-vulnerabbli ta’ madwarhom. Prof. Gauci irrimarkat li issa, fil-pajjiż il-każi huma baxxi ħafna u jkun hemm minnhom li jkunu kuntatti ta’ persuni li nstabu pożittivi għall-virus qabel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn