Produzzjoni tal-kannabis mediċinali: “€57 miljun u 350 impjieg”

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ħabbar li l-Malta Enterprise bħalissa qed tevalwa proposti minn tliet kumpaniji għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali, b'investiment li jlaħħaq is-€57 miljun u li se jiġġenera 350 impjieg. 
Waqt li kien qed jitkellem fil-winding up tat-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis, Cardona qal li fl-aħħar xhur, Malta Enterprise approvat tliet proġetti minn kumpaniji minn Iżrael, il-Kanada u l-Istati Uniti u li ngħataw il-letter of intent mill-Malta Enterprise b'investiment ta’ €7.5 miljun u se jiġġeneraw 118-il impjieg ġdid fi tliet snin.
Liġi nejja – Kristy Debono
Ftit qabel, id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono ddeskriviet l-abbozz bħala liġi nejja ta’ tmien paġni kollox, meta mqabbla mal-Att Kanadiż li fih 350 paġna. Hija qalet li l-liġi hija nieqsa milli tirregola aspetti varji tal-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediċinali.
Debono qalet li dan ifisser li l-Gvern se jkollu s-saħħa li b’sempliċement  ta’ avviż legali, jirregola aspetti importanti ta’ din l-attività.
Hija qalet li l-liġi hija dgħajfa mil-lat ta’ sigurtà u ma tiżgurax li Malta ma ssirx hub għat-traffikar.
Liġi li ma sserraħx l-imħuħ – Edwin Vassallo
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li din il-liġi ma sserraħx l-imħuħ għax tagħti lok li l-liċenzja tkun trasferita jekk il-kumpanija tbiddel l-idejn. Huwa staqsa jekk il-liġi tagħmilx possibbli li l-kannabis tkun prodotta f’Malta bħala materja prima u tkun esportata għall-użu rikreattiv.