Produtturi taż-żejt ma jaqblux li jiffriżaw il-produzzjoni

Il-prezzijiet taż-żejt waqgħu b’mod sostanzjali, għall-irħas prezz fl-aħħar xahrejn, hekk kif il-produtturi ewlenin taż-żejt ma waslux għall-ftehim li jiffriżaw il-produzzjoni.
L-Arabja Sawdija, li hi l-ikbar produttur taż-żejt fid-dinja u li laqqgħet diversi pajjiżi tal-OPEC ħlief l-Iran, kienet lesta li tillimita l-produzzjoni jekk ikun hemm qbil mal-pajjiżi l-oħra.
Imma l-Iran, li għadu joħroġ minn sanzjonijiet internazzjonali, m’għandu ebda interess li jillimita l-produzzjoni taż-żejt.
Il-prezzijiet taż-żejt niżlu b’medja ta’ 7% wara li fl-aħħar ġimgħatejn kienu għolew qalb spekulazzjoni li se tonqos il-produzzjoni.