Proċeduri dixxiplinarji fiċ-ċivil iwasslu għal tkeċċija waħda fl-2019

Photo by: Unsplash

29 ħaddiema taċ-ċivil għaddew minn proċeduri dixxiplinari li setgħu waslu għat-tkeċċija tagħhom fis-sena 2019, għalkemm persuna waħda biss minnhom sfat imkeċċija.

Din l-informazzjoni ħarġet mill-aħħar rapport annwali tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC): id-dixxiplina fiċ-ċivil hi parti mill-mandat tagħha.

Skont il-figuri tal-PSC, kapijiet tad-dipartimenti ħadmu fuq 56 każ dixxiplinarju minuri, 81 każ serju u 29 każ serju li jista’ jwassal għat-tkeċċija matul l-2019.

Minn dawn il-166 każ, 49 kienu jittrattaw ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ġustizzja, 37 fil-Ministeru għas-Saħħa, 20 fil-Ministeru għall-Enerġija, 19 fil-Ministeru għall-Intern, 17 fil-Ministeru għall-Familja, 15 fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, 4 fil-Ministeru għall-Ambjent, 2 fil-Ministeri għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, 2 fil-Ministeru għat-Trasport u każ wieħed fil-Ministeru għall-Finanzi.

Mid-29 każ li seta’ jwassal għat-tkeċċija, 10 għadhom pendenti u 4 nstabu mhux ħatja. Filwaqt li persuna waħda biss tkeċċiet, 5 irċevew perjodu ta’ sospensjoni mingħajr paga, persuna rċiviet twissija ta’ tkeċċija valida għal sentejn u persuna oħra twissija valida għal sena.

Mill-81 każ dixxiplinarju serju, 22 instabu mhux ħatja u 19-il każ għadhom pendenti. 3 persuni rċevew twissija bil-miktub, 8 rċevew sospensjoni, 3 rċevew kemm twissija kif ukoll sospensjoni filwaqt li 3 ġew sospiżi u rċevew twissija li jistgħu jitkeċċew.

28 mis-56 każ minuri wasslu għal twissija bil-miktub, 4 oħra rċevew twissija u multa ta’ €12 u 9 rċevew sospensjoni. 3 każi għadhom pendenti, u 4 ġew dikjarati mhux ħatja ta’ offiża, filwaqt li 4 każi oħra ġew miċħuda.

Fl-istess żmien, il-PSC għamlet 20 rakkomandazzjoni lill-Prim Ministru dwar każi dixxiplinarji, u għamlet suġġeriment li jitkeċċew żewġ persuni.

Il-PSC għamlet ukoll 42 rakkomandazzjoni dwar membri taċ-ċivil li għaddew minn proċeduri kriminali. Minn dawn, 8 nstabu mhux ħatja mill-qrati, u b’hekk il-PSC qalet li l-miżuri dixxiplinari prekawzjonarji kellhom jitwaqqfu.

Min-naħa l-oħra, 13 instabu ħatja, u f’każ wieħed, il-PSC qalet li l-ħaddiem kellu jitkeċċa. Skont il-kummissjoni, 8 oħra kellhom jirċievu twissija ta’ tkeċċija.

21 każ kien għadu pendenti: fi 12-il każ il-PSC irrakkomandat sospensjoni bħala miżura prekawzjonarja, filwaqt li f’9 oħra rrakkomandat li m’għandux ikun hemm sospensjoni, anke jekk jista’ jkun il-każ li jkun hemm bżonn miżuri dixxiplinarji fil-ġejjieni.