Problemi għad-De La Rue fl-Ingilterra

L-Ishma tal-kumpanija De La Rue li tistampa l-flus waqgħu b’20% skont media internazzjonali. Din il-kumpanija għandha sussidjarju tagħha li jopera f’Malta. Jidher li din “it-tisbita” wasslet lill-kumpanija sabiex tibda tiddubita l-futur tagħha, filwaqt li ssospendiet id-dividend tagħha u ħabbret pjanijiet li jaċċelleraw ir-ristrutturar tagħha minkejja d-dejn tagħha li jidher li dejjem qed jikber.

Is-sena li għaddiet, fl-Ingilterra, De La Rue tilfet il-kuntratt li tistampa l-passaporti wara Brexit. Issa l-passaporti qed jiġu stampati minn kumpanija Franċiża. Il-kumpanija wissiet li hemm ċans tikser il-patt li għandha mal-banek jekk il-kundizzjonijiet tan-negozju jibqgħu dejjem sejrin għall-agħar.

Fi żmien sitt xhur, sa Settembru li għadda, De La Rue għamlet telf ta’ kważi €11-il miljun. Dan meta kkumparat mal-kważi €12-il miljun fi profitti li kienet għamlet fis-sena ta’ qabel. Dan it-telf ġie bħala riżultat tar-ristrutturar li kien tħabbar f’Mejju.

Aqra: De La Rue tiftaħ impjant ġdid ta’ €27 miljun

Il-kumpanija tat parti mit-tort lil dawk il-persuni li kienu kbarat fil-kumpanija u fl-istess perjodu taż-żmien iddeċidew li jirreżenjaw. Il-persuni li rreżenjaw kienu ċ-Chairman, CEO, is-senior independent director u l-maġġoranza tat-tim eżekuttiv. Skont kelliem għall-kumpanija fl-Ingilterra, dan wassal sabiex tonqos il-konsistenza tal-kwalità u l-ħeffa li bih isir ix-xogħol.

Minkejja dan kollu, il-kumpanija qalet li qed tistenna li t-tieni nofs tas-sena jrendi riżultati aħjar hekk kif qed toqgħod aktar attentat fl-infieq tagħha. Intant, il-kumpanija mistennija tagħmel profitt ta’ bejn €23 miljun u €29 miljun għas-sena kollha.

Is-sena li għaddiet il-kumpanija De La Rue f’Malta inawgurat tkabbir tal-kumpanija b’investiment ta’ €27 miljun. L-impjant qed jintuża biex fost l-oħrajn jiġu stampati dokumenti u tabelli li jassiguraw il-ġenwinità ta’ prodotti ewlenin fosthom tal-Microsoft. Dan l-investiment kien ġie minkejja li fl-istess perjodu, il-kumpanija kienet qed tnaqqas il-preżenza tagħha f’pajjiżi fil-punent.

Hu u jindirizza lill-impjegat dakinhar li ġie inawgurat it-tkabbir, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qalilhom li l-impjieg tagħhom qatt ma kien daqshekk fis-sigur.