Problema teknika twassal biex il-kawża tiġi diferita

Problema tekninka wasslet biex numru ta’ persuni Libjani li kellhom jixhdu llum ma jagħmlux dan bil-kawża tiġi diferita għat-18 ta’ Mejju.

Fil-Qorti il-Ħamis kellhom jixhdu permezz ta’ telefonata fuq Skype numru ta’ Libjani fil-kawża ta’ libell li Neville Gafà fetaħ kontra l-editur tal-ġurnal The Malta Independent dwar storja li fiha ssemmew numru ta’ Libjani li ġew imġiegħla jħallsu biex jingħataw visas mediċi ħalli jkunu jistgħu jingħataw trattament f’Malta. Dan it-trattament kellu jingħata f’Malta b’xejn minħabba li hemm ftehim bilaterali li hemm bejn Malta u l-Libja.

Jidher li l-arranġamenti tekniċi biex issir din it-telefonata ma sarux u għalhekk ma setax isir il-kuntatt. Skont din il-gazzetta The Malta Independent kien hemm diversi Libjani li allegaw li huma kellhom jagħmlu ħlasijiet lil Neville Gafà sabiex ikunu assigurati li jieħdu l-visas mediċi sabiex jieħdu l-kura f’Malta.

Min-naħa tiegħu Gafà ċaħad dawn l-akkużi u qal li l-unika flus li jdaħħal ġejjin mil-paga li jirċievi mingħand il-Gvern bħala ħaddiem.

Tliet xhieda kienu se jixhdu l-Ħamis fil-Qorti għan-nom ta’ għaxar persuni Libjani oħra permezz ta’ telefonata fuq Skype. F’Jannar li għadda Ivan Grech Mintoff xehed u ddikkjara f’kontro eżami li l-Libjani riedu li jixhdu huma minħabba li ma jafdawx lill-Pulizija f’Malta

Ara: ‘Neville Gafà pprova jħallas lin-nies biex ma jixhdux kontrih’