Problema Housing: Persuni jorqdu f’karozzi, f’garaxxijiet u fuq is-sufan tal-ġara

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li fost l-isfidi li jiffaċċja ta’ kuljum hemm każijiet ta’ familji li jispiċċaw joqogħdu ġo garaxx u oħra jorqdu fil-karrozzi jew barra t-triq.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar diskussjoni ġenerali dwar il-qasam tad-djar f’Malta, Galdes qal li wieħed ma jistax ma jinkwetax meta jisma’ b'dawn il-problemi fil-qasam tal-housing.
Waqt id-dibattitu, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo leħħen l-istess sentiment ta’ dieqa dwar stejjer ta’ Maltin li jorqdu f’karozzi, f’garaxxijiet, f’kamra waħda jew fuq sufan għand il-ġara.
Bartolo qal li hu jiltaqa’ ma’ nies li jgħixu f’garaxx taħt l-art għal €250 jew f’kamra waħda għal €320. Huwa qal li dawn huma każijiet urġenti li ma jistgħux jistennew sentejn u nofs sakemm jinbnew is-700 unit ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern ser jibni 1200 appartament għal akkomodazzjoni soċjali li flimkien ta’ 400 skema tal-kiri li jfisser l-ikbar investimenti li qatt sar mill-Gvern fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru għal Familja,  Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Dr Michael Falzon qal li l-white paper dwar il-Housing għandha tesplora bosta aspetti fosthom l-kuntratti tal-kirjiet, reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kirjiet u reviżjoni tal-liġi. Huwa qal l-Gvern għandu jkollu kuraġġ u jinterveni u ma jħallix ‘is-suq isuq’ iżda jinterveni fejn hemm bżonn biex tinħoloq ġustizzja soċjali. 
Il-Ministru qal li l-white paper tirrifletti ukoll it-tibdil demografiku li għadda minnu l-pajjiż.
Min-naħa tiegħu Claudio Grech qal li l-incidenza tal-problemi socjali fl-oqsma tal-housing socjali qed ikun ikbar minn bnadi oħra. Allura l-Gvern irid joqgħod attent li ma solvix problema billi joħloq oħra.