Problema għal qalbek jekk tgħix qrib triq traffikuża

Studju ġdid juri kif miljuni ta’ persuni jinsabu f’riskju ta’ problemi f’qalbhom ikkawżati minn tniġġiż fl-arja. Ir-riċerkaturi jgħidu li kull min jgħix qrib triq traffikuża – anke dawk ‘il barra minn bliet kbar, jista’ jiġi affetwat b’mod gravi mid-dħaħen tat-traffiku.

Triq titqies traffikuża meta minnha jgħaddu mill-inqas 5,000 karozza kuljum.

Skoprew li anke livelli ta’ dħaħen li sa issa kienu meqjusa siguri jaffetwaw id-daqs u l-forma tal-qalb.

It-tim ta’ riċerkaturi mill-Università Queen Mary f’Londra u l-Università ta’ Oxford studjaw il-qalb ta’ 4,000 persuna u qabblu d-data ma’ fejn jgħixu dawn in-nies.

Sabu li iktar ma persuna tkun esposta għad-dħaħen, iktar ikollha ċans ta’ qalb minfuħa. Riżultat kruċjali hu li anke meta t-tniġġiż ikun ta’ inqas minn 10 mikrogrammi kull metru kubu, dawn il-persuni kellhom sinjali ta’ ħsara f’qalbhom.

L-istudju sar fir-Renju Unit u nstab li anke persuni li jgħixu f’postijiet rurali qrib ta’ toroq arterjali, kellhom ħsara f’qalbhom, b’riskji għal saħħithom.

Meta l-qalb tintefaħ ħafna, titlef il-pressjoni u s-saħħa u ma tkunx tista’ tippompja biżżejjed demm madwar il-ġisem.

Aktar minn 40,000 persuna huma maħsuba li jmutu qabel iż-żmien fir-Renju Unit minħabba t-tniġġiż fl-arja.