“Probabbli nerġa’ ninvestiga abbużi sesswali mill-kleru” – L-Arċisqof Scicluna

Luke Zerafa

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li probabbli jerġa’ jinvestiga abbużi sesswali mill-kleru jekk il-Papa jitlobu jagħmel dan. Dan ħareġ f’artiklu ppubblikat fil-ġurnal Washington Post fejn l-Arċisqof Malti ġie mfaħħar tax-xogħol siewi li għamel f’bosta investigazzjonijiet f’abbużi sesswali min-naħa tal-kleru madwar id-dinja.

L-artiklu jgħid kif il-missjonijiet tal-Arċisqof Scicluna jibdew b’telefonata mill-Papa li jitlobu għal pjaċir li jwassal sabiex Mons. Scicluna jippakkja l-bagalja u jħejji ruħu għall-pajjiż fejn ikunu saru abbużi sesswali mill-kleru sabiex jinvestiga. Mons. Scicluna ġie deskritt bħala l-investigatur ta’ emerġenza tal-Vatikan.

Aqra: ‘Ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi’ – L-Arċisqof Scicluna

Mons. Scicluna jintbagħat postijiet fejn kardinali jew isqfijiet jiġu akkużati li kkommettew abbużi sesswali u huma suspettati li ħbew evidenza jew injoraw lill-vittmi. Intqal li fl-aħħar 15-il sena mexxa erba’ investigazzjonijiet maġġuri f’erba’ kontinenti differenti fejn intervista mijiet ta’ vittmi.

Skont l-artiklu mimli tifħir għal Mons. Scicluna, ġie spjegat li hu bena reputazzjoni bħala wieħed mill-uffiċċjali tal-Vatikan rari li japprezzaw il-gravità u l-iskala ta’ abbużi fil-Knisja. Skont il-vittmi, hu jippreżenta lilu nniffsu bħala wieħed li jisma’ u jissielet għall-fatti. Skont Juan Carlo Cruz, wieħed mill-vittmi ta’ abbużi sesswali fiċ-Ċilì, id-diskursata li kellu mal-Arċisqof kienet l-ewwel darba li qatt ħass empatija għal dak li kien għadda minnu.

Aqra: Il-vittmi se jitolbu mal-isqfijiet – L-Arċisqof Scicluna

L-artiklu rrefera għall-ewwel vjaġġi tal-Arċisqof lura fl-2005 fil-Messiku u fl-Istati Uniti fejn iddokumenta serje ta’ abbużi minn Marcial Maciel, il-fundatur kariżmatiku tal-Legionaries of Christ. Fl-2008, kien ivjaġġa lejn is-Sirja sabiex jinvestiga Isqof. Imbagħad fl-2014 intbagħat l-Iskozja fejn investiga l-allegazzjonijiet ta’ abbuż mill-Kardinal Keith O’Brien. Kull każ wassal sabiex il-Knisja Katolika tagħti xi forma ta’ kastig.

Aqra: “L-Arċisqof Scicluna indispensabbli għall-Papa” – La Croix