Probabbli li Abela jaffaċċja talba għal maħfra minn Yorgen

FILE PHOTO. Jeremy Wonnacott/Malta Government Department of Information/Handout via REUTERS

Read in English.

Hemm probabbiltà li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li se jkun qed jaffaċċja Dr Robert Abela hekk kif isir Prim Ministru, hi jekk għandux jirrakkomanda li tingħata maħfra presidenzjali lil Yorgen Fenech, bi skambju għal informazzjoni li jagħti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-avukati ta’ Fenech jistgħu jitolbu għall-maħfra għalkemm mhux eskluż li jitolbu għal xi forma ta’ tnaqqis mis-sentenza minħabba informazzjoni mogħtija (plea bargaining).

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u li kien parti mill-konsorzju tal-Electrogas, qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li din qed tidher bħala opportunità għal Fenech, hekk kif filwaqt li l-kontestant l-ieħor għal mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne eskluda li tingħata maħfra oħra, Abela ma eskludihiex. L-avukati ta’ Fenech diġà qed jikkontestaw fil-Qorti d-deċiżjoni tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat, li rrifjuta li jagħti l-maħfra. Dan għax jemmnu li kienet deċiżjoni żbaljata.

Sorsi legali qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-avukati jinsabu wkoll sorpriżi li l-familja tal-ġurnalista assassinata kienet kontra li jingħata l-maħfra, hekk kif iddeskrivew lil Yorgen bħala kriminal fit-tielet livell. L-avukati jistgħu jagħmlu każ li l-unika mod biex joħorġu l-ismijiet ta’ dawk fit-tieni u fl-ewwel livell huwa permezz ta’ Yorgen.

“Kabinett tiegħi jikkunsidra talba għall-maħfra” – Abela

Fil-kampanja għall-mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela kien qal li jekk Fenech jerġa’ jitlob għall-maħfra, il-Kabinett tiegħu jikkunsidraha, speċjalment jekk ikunu se joħorġu fil-wiċċ dettalji ġodda. Madanakollu, kien qal ukoll li jrid joqgħod attent dwar li jagħti l-maħfra lil xi ħadd, li allegatament huwa l-mandant tal-assassinju.

Yorgen Fenech talab għall-maħfra presidenzjali darbtejn, fejn qal li kien lest jagħti aktar dettalji dwar l-assassinju tal-ġurnalista fl-2017. It-talbiet tiegħu ġew miċħuda, l-ewwel mill-Prim Ministru Joseph Muscat u t-tieni mill-Kabinett waqt laqgħa f’Kastilja li damet għaddejja sat-3am.

Fl-ewwel interrogazzjonijiet mill-Pulizija, Yorgen Fenech kien kawt, iżda beda jaġixxi differenti wara li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, ingħata l-maħfra presidenzjali. Fenech beda jsemmi l-involviment ta’ nies oħra, fosthom ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Dawn ir-revelazzjonijiet wasslu għar-riżenja ta’ uffiċjali għolja tal-Gvern, fost l-oħrajn ta’ Schembri, tal-eks Ministru Konrad Mizzi u ta’ Joseph Muscat innifsu.

Fit-3pm, Dr Robert Abela se jinħatar bħala Prim Ministru ġdid ta’ Malta. Kompli segwi Newsbook.com.mt għal iktar dettalji.