“Probabbiltà li l-mobile ta’ Cardona kien Velbert” – espert tal-Qorti

Read in English.

Espert tal-IT imqabbad mill-Qorti indika li hemm probabbiltà li l-mobiles ta’ Chris Cardona u uffiċjal tiegħu, kienu f’Velbert fil-Ġermanja, fil-31 ta’ Jannar 2017 bejn is-2pm u s-7pm. Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet fil-blogg tagħha, li Cardona, dakinhar Ministru, u uffiċjal tiegħu marru f’burdell f’Velbert, FKK Acapulco, waqt li kienu fuq żjara uffiċjali tal-Gvern.  

Waqt ix-xhieda fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista, l-espert Keith Cutajar ippreżenta rapport tekniku dwar il-geolocation tal-mobiles. Fil-Qorti ntqal li r-rapport huwa finali minkejja li qed jistennew aktar data mill-operaturi tat-telefonija.

L-informazzjoni dwar il-geolocation tal-mobiles ġiet mitluba waqt il-każ tal-libell li Cardona fetaħ lill-ġurnalista, iżda minħabba li l-każ ma tkompliex, l-informazzjoni baqgħet maqfula l-Qorti.

Madanakollu l-Bord tal-inkjesta pubblika talab li jkollu dawn id-dettalji.

L-espert Cutajar fisser li waħda mill-antenni kellha konnessjoni mal-mobiles għal jumejn. Madanakollu stqarr li ma kienx hemm possibilità li ssir triangulation tal-post eżatt, għax kien hemm antenna waħda biss imqabbda mal-mobiles. Kompla jispjega li Velbert jinsab eżattament fin-Nofsinhar ta’ fejn qiegħda l-antenna u li dan ifisser li l-antenna kienet tkopri sa massimu ta’ 100 kilometru.  

Filwaqt li rrimarka li l-konnessjoni kienet bejn kilometru u żewġ kilometri ‘l bogħod mill-antenna, wieħed għandu bżonn tliet antenni biex ikun eżatt.

Meta mistoqsi kemm kien hemm bogħod minn Velbert għal-lukanda u l-post fejn saret il-konferenza, Cutajar qal li hu ma jafx fejn kienet il-konferenza. L-avukat Jason Azzopardi semma li l-konferenza organizzata mill-Kummissjoni Ewropea saret f’Essen. Minn riċerka rriżulta li l-post tal-konferenza kien qrib ħafna tal-antenna.

X’kienet irrappurtat Daphne Caruana Galizia?

F’Jannar tal-2017, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia allegat li Chris Cardona, dakinhar Ministru, u uffiċjal tiegħu marru f’burdell f’Velbert fil-Ġermanja, waqt li kienu fuq żjara uffiċjali tal-Gvern. Fl-artikli tagħha Caruana Galizia kienet indikat li l-informazzjoni wasslitilha minn sors tagħha li kien fl-istess burdell.

Dakinhar, kemm Cardona kif ukoll l-uffiċjal tiegħu ċaħdu l-allegazzjonijiet, fetħulha libell u anke ffriżaw l-assi tal-ġurnalista.

Fis-16 ta’ Ġunju li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Dr Chris Cardona, li kien għadu Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista rriżenja mill-kariga tiegħu. Madanakollu, meta Newsbook.com.mt talab kopja tal-ittra tar-riżenja, kelliem għall-Partit Laburista qal biss li ittra tar-riżenja hi xi ħaġa interna.