Read in English.
F’attività li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, il-President George Vella fisser kif il-missier huwa titlu li jġib miegħu ħafna responsabbiltà iżda wkoll privileġġ li trabbi familja u taraha tikber fl-imħabba.
Il-President Vella qal dan meta ltaqa’ ma’ numru ta’ missirijiet u l-familji tagħhom minn oqsma varji tas-soċjetà li jirriflettu sitwazzjonijiet differenti li jiffaċċjaw il-missirijiet f’kull forma ta’ familja Maltija. Huwa sostna kif illum il-missier huwa tassew co-parent,u ħeġġeġ lil kull missier biex jieħu l-opportunità li jkun ġenitur preżenti fil-ħajja ta’ wliedu.
Fl-attività, il-President awgura lill-missirijiet kollha; dawk naturali, adottivi jew foster, single fathers u anke lil dawk li jixtiequ jsiru missirijiet jew li b’xi mod jew ieħor qed iservu ta’ figura paterna. Huwa sellem ukoll lill-missirijiet li m’għadhomx magħna għax qal li huma wkoll servew ta’ pilastri kbar fil-ħajja tal-familja.
Appella biex l-integrità u l-imħabba lejn l-ulied qatt ma tiġi mxekkla mill-materjaliżmu. Elenka kif l-imxija tal-Covid-19 kissret ħafna ‘konvenzjonijiet’ soċjali kif ukoll familjari, u hawnhekk irrefera għall-missirijiet li kienu waħedhom tul dawn iż-żminijiet għax kienu vulnerabbli. Stqarr kif, għalkemm it-teknoloġija għenet ħafna, huwa wkoll ħass in-nuqqas tal-kuntatt mat-tfal u n-neputijiet.