Prince’s Trust jikseb riżultati eċċellenti għall-istudenti tiegħu

Read in English.

Prince’s Trust International (PTI), bl-appoġġ tal-Fondazzjoni HSBC Malta, kompla jgħin studenti żgħar fl-età matul is-sena akkademika 2019-20, permezz tal-Programm Achieve. Dan il-programm wassal għal riżultati eċċellenti minkejja ċ-ċirkostanzi straordinarji attwali.  Immexxi mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE), il-programm jgħin persuni żgħar fl-età f’riskju li ma jaslux fit-tagħlim jew li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni formali. Din is-sena, il-Programm Achieve ra 36 skola u ċentru edukattiv madwar Malta u Għawdex jippreżentaw ix-xogħol studentesk matul il-perjodu ta’ verifika.  Malta saret l-ewwel pajjiż barra mir-Renju Unit li nieda l-Programm Achieve tal-PTI fl-2015.

Maureen Amoroso, Uffiċjal Edukattiv fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, responsabbli mill-Programm Achieve ta’ Prince’s Trust International, qalet: “Irridu naqsmu magħkom ir-riżultati sbieħ li waslu fiċ-ċentri tagħna, fejn ix-xogħol kollu ppreżentat ingħata pass.  Is-36 ċentru, bi kważi 450 student ippreżentaw ’il fuq minn mitt unità ta’ xogħol, erba’ ċentri ġodda ppreżentaw xogħol għall-ewwel darba, fosthom l-Induction Hub tal-Kulleġġ Maria Regina fin-Naxxar, il-Kulleġġ San Benedittu, ERC Hellen Keller f’Ħal Kirkop, is-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat u l-Kulleġġ ta’ Stella Maris fil-Gżira.  Kważi 40 student lestew iċ-ċertifikat tagħhom anke qabel tmiem is-sena akkademika.  Huma kisbu ċertifikat fil-Livell 3 tal-MQF, rikonoxxut fl-MCAST u l-ITS.  Għalhekk jekk jixtiequ jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom fil-livell post-sekondarju, bl-użu tal-Programm Achieve bħala rekwiżit importanti.

“Bħas-soltu, dawn ir-riżultati pożittivi huma xhieda tax-xogħol impekkabbli, tal-professjonaliżmu u tad-dedikazzjoni tal-edukaturi tagħna lejn l-istudenti tal-Programm Achieve.  Bis-saħħa tal-appoġġ tal-Fondazzjoni HSBC Malta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkompli jwettaq dawn il-programmi bħala parti mill-impenn b’saħħtu tagħna li nappoġġaw dawk żgħar fl-età fejn jidħlu l-edukazzjoni u x-xogħol.

Riżultati bħal dawn juru li, meta jingħataw l-għodda u l-mezziaddattati, l-istudenti tagħna xorta jistgħu jiksbu riżultati tajbin anke permezz ta’ rotot ta’ tagħlim differenti. Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u tas-Sostenibbiltà Korporattiva tal-HSBC Malta, ikkummentat: “Il-Fondazzjoni HSBC Malta kkommettiet €168,000 fuq tliet snin biex tappoġġja x-xogħol ta’ Prince’s Trust International f’Malta u Għawdex.  Ir-riżultati miksubin mill-istudenti tal-Programm Achieve matul is-sena akkademika li għaddiet baqgħu jkunu impressjonanti u huma konformi mal-għanijiet ta’ ingaġġ fix-xogħol li tħaddan il-Fondazzjoni tagħna.

Il-Fondazzjoni HSBC Malta trid tkompli ssaħħaħ is-sħubija ma’ Prince’s Trust International, hekk kif dan il-programm qed ikompli jibdel b’mod pożittiv il-ħajja ta’ dawk żgħar fl-età madwar il-gżejjer tagħna.  Programmi bħal dawn iservu biex iwasslu għal bidla deċiżiva fl-istudenti żgħar fl-età li tispirahom lejn għanijiet ikbar.”